UEL: Hibernians ikkastigati b’goal fit-tieni taqsima
minn Cristian Muscat
ritratt: Domnic Borg
Hibernians ……0
Fehervar ……. 1
Hibernians sfaw eliminati mill-UEFA Europa League meta fit-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tilfu kontra Fehervar bl-iskor ta’ 1-0.
Fil-veritá l-Ungeriżi ddominaw il-pussess tal-ballun għal bosta ħinijiet u dehru teknikament aħjar mit-team Malti peró ma kienux kapaċi jsarrfu s-supremazija tagħhom … b’Hibernians ikunu sfortunati lejn it- tmiem li ma kisbux id-draw.
Kienu l-Ungeriżi li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss seba’ minuti, Ivan Petriak kellu t-tentattiv tiegħu minn qagħda ideali jintemm ftit barra.
Il-mumenti sussegwenti kienu karatterizzati minn ħafna logħob f’nofs il-ground. Peró fid-29 minuta Fehervar tilfu ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor meta Loic Nego kellu xutt mill-viċin imblukkat minn Ferdinando Apap.
Minuta wara kien Budu Zivzvadze waħdu quddiem il-goalkeeper Malti li għamel l-impossibbli u xeħet barra.
L-Ungeriżi komplew jattakkaw u fil-35 minuta, Alef kellu xutt mid-distanza salvat mingħajr wisq diffikultá mill-goalkeeper tal-Pawlisti, Matthew Calleja Cremona.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, l-Ungeriżi komplew fejn ħallew qabel il-mistrieħ u fil-61 minuta, fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ corner, Ivan Petriak xeħet cross lejn l-iżmarkat BOBAN NIKOLOV li kien fil-post it-tajjeb u fil-mument opportun u minn taħt il-lasta spara ġewwa.
Mal-ħin kompla d-dominju assolut ta’ Fehervar u fit-68 minuta setgħu faċilment irduppjaw meta Loic Negro xeħet cross perfett lejn Ivan Petriak li minn pożizzjoni ideali tefa’ barra, bil-Pawlisti jeħilsuha ħafif.
L-Ungeriżi baqgħu jamministraw, bil-Pawlisti jippruvaw iwettqu xi tip ta’ reazzjoni u fid-89 minuta tilfu opportiunitá tad-deheb li jagħmlu l-iskor indaqs, meta Gabriel Izquier xeħet cross fil-baxx lejn is-sostitut Renold Winchester li iżda ma rnexxielux jagħmel kuntatt mal-ballun li ntemm barra.
U dan ma kienx biżżejjed hekk kif proprju minuta biss wara xutt bid-dawra minn ġol-kaxxa tal-attakkant Jurgen Degabriele stampa mal- mimduda.
Fil-ħin miżjud, il-Pawlisti spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa Shola Shodiya Haruna għal foul fuq Loic Nego li kien tiela’ waħdu.
HIBERNIANS: 1-Matthew Calleja Cremona, 3-Ferdinando Apap, 4-Leandro Almeida, 7-Ayrton Attard (12-Dunstan Vella 83), 8-Jake Grech, 10-Jurgen Degabriele, 13-Zachary Grech (9-Renold Rundell Winchester 64), 18-Gabriel Izquier Artiles, 19-Shola Shodiya Haruna, 20-Andrei Agius, 23-Jose Wilkson Teixeira (6-Edafe Uzeh 74) – Coach: Stefano Sanderra
FEHERVAR: 74-Adam Kovacsik, 5-Attila Fiola, 6-Visar Musliu, 7-Ivan Petriak (20-Evandro Da Silva 83), 8-Boban Nikolov, 9-Budu Zivzvadze (71-Nemanja Nikolic 88), 11-Loic Nego, 22-Stopira, 77-Bendeguz Bolla, 95-Alef (17-Mate Patkai 51), 96-Lyes Houri – Coach: Gabor Marton
REFEREE: Ivaylo Stoyanov (Bulgarija)
ASS. REFEREES: Georgi Todorov, Miroslav Maksimov (Bulgarija)
RABA’ UFF: Radoslav Gidzhenov (Bulgarija)
SKORER: B. Nikolov 61 (F)
AMMONITI: L. Almeida, J. Grech (H); Stopira, A. Kovacsik (F)
TKEĊĊA: H. Shodija 92 (H)