UEL: Illum Floriana jilagħbu kontra Flora Tallinn

Lejliet il-konfront mit-tielet round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa League bejn iċ-champions Maltin, Floriana, u dawk mill-Estonja, Flora Tallinn, saret konferenza stampa fis- Centenary Hall, f’Ta’ Qali, bil-ġurnalisti ma jkunux preżenti fuq il-post iżda li setgħu jistaqsu l-mistoqsi­jiet tagħhom b’mod virtwali.

Il-coach ta’ Floriana, Enzo Potenza, u l-captain Jurgen Pisani indirizzaw din il- konferenza tal-aħbarijiet fejn taw l-opinjoni tagħhom dwar dan il-konfront deli­kat iżda tant importanti.

Il-coach Taljan ta’ Floriana beda biex qal li din il-partita hija waħda diffiċli u fl-istess waqt kumplikata minħabba li l-avversarji tagħhom jin­sabu fl-aqwa tal-kundizzjoni fiżika wara li lagħbu 20 logħba tal- kampjonat u jin­sabu jillidjaw il-klassifika bi 13-il punt vantaġġ fuq l-eqreb rivali tagħhom, Paide.

Il-coach Taljan modestament sostna li din hija logħba importanti ħafna għall-istorja tal-club u se jagħmlu minn kollox biex il-ħolma tagħhom li javvanzaw  għar-round li jmiss issir realtá.

Potenza faħħar lill-players tiegħu li għandhom il- potenzjal li jilagħbu dawn it-tip ta’ logħbiet u jilħqu l-objettivi tagħhom. Huwa sostna li hemm konċentrazzjoni kbira hekk kif huma konxji li jistgħu jik­tbu l-istorja.

Wara r-rebħa kontra Gzira United, Potenza qal li rranġa xi affarijiet li setgħu marru aħjar fid-difiża għax f’dan il-livell jekk wieħed jiżbalja se jiġi kkastigat.

Finalment, tenna li għandu fiduċja fil-players tiegħu li se jqumu għall-okkażjoni … iżda l-importanti hija li jibqgħu ffukati sal-aħħar.

Tkellem ukoll il-captain ta’ Floriana, Jurgen Pisani, li ddeskriva l-ambjent tad- dressing room bħala wieħed magħqud u ffukat biex din il-ħolma li semma’ l-istess coach Potenza tibqa’ għaddejja.

Pisani qal li mar-rebħ jiġi wkoll il-ferħ u l-fiduċja li wieħed jista’ jagħmel aħjar.

Hu qal li l-players kienu bravi biżżejjed biex jinsew dak li għamlu fl-Irlanda ta’ Fuq kontra Linfield ftit tal-ġranet ilu u jiffukaw fil-partita mill-ewwel ġurnata tal- kampjonat Premier kontra Gzira United li kif kien mistenni kienet waħda diffiċli.

Minkejja kollox, il-players kienu determinati li jik­sbu r-rebħa u faħħar l-attitudni ta’ sħabu li baqgħu jemmnu sal-aħħar.

Finalment Pisani kompla ma’ dak li qal il-coach tiegħu meta stqarr li din il-partita tista’ tidħol fl-istorja glorjuża tal-club speċjalment jekk tasal il-kwalifikazzjoni għall-play-offs tal-UEFA Europa League.

Intant, eżattament wara din il-konferenza stampa, tkellem ukoll il-coach tat-team Estonjan, Jurgen Henn, li qal li għandu rispett kbir lejn iċ-champions Maltin speċjalment wara li segwa b’reqqa l-partita kontra Linfield fejn irrimarka b’mod partikolari l-qawwa u l- kompattezza tad-difiża Furjaniża.

Huwa sostna li ġew f’pajjiżna preparati sew minn kull lat biex jikbsu l- passaġġ għall-play-offs, iżda jinsab ċert li din mhux se tkun xi ħaġa faċli.

Din il-partita se tintlagħab fis-Centenary Stadium bil-bibien magħluqa, u tibda fis-7.00 pm.

Share With: