UNL: Illum l-iskwadra nazzjonali Maltija titlaq lejn il-Faroe Islands

F’konferenza stampa li saret online mis-Centenary Hall, f’Ta’ Qali, il-coach tat-team nazzjonali Malti, Devis Mangia, tkellem dwar l-impenn doppju li Malta għandha fil-kompetizzjoni tal-UEFA Nations League.

Malta se tiddebutta barra minn darna, f’Torshavn, kontra l-Faroe Islands, proprju nhar il-Ħamis li ġej, 3 ta’ Settembru. U mbagħad tlett ijiem wara tospita lil Latvja, fl-Istadium Nazzjonali … biż-żewġ partiti jintlagħbu bil- bibien magħluqa min­ħabba l-Covid-19.

Anke għall-coach Mangia, dawn iż-żewġ partiti se jkunu l-ewwel tiegħu għal Malta.

Mangia, li ngħata r-responsabbiltá tat-team nazzjonali f’Diċembru li għadda,  inkluda players ġodda fl-iskwadra ta’ 23 players fosthom Paul Mbong ta’ Birkirkara, Shaun Dimech ta’ Valletta u Neil Tabone ta’ Zejtun Corinthians.

Barra minn hekk, Mangia jista’ jinkludi wkoll żewġ players oħra li ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija fil- jiem li għaddew – id-difensur ta’ Birkirkara, Enrico Pepe, u l-midfielder ta’ Royal Union Saint-Gilloise, Teddy Teuma.

Fuq dawn iż-żewġ players, Mangia qal li ċ-Ċentru Tek­niku qed isegwi b’attenzjoni diversi players u jekk ikun jimmeritahom li jintgħażlu ma jarax kif dan kollu ma jistax iseħħ. Hu qal li l-bi­bien huma miftuħa għal kul­ħadd.

ll-coach nazzjonali sostna li l-wirja se tkun qed turi sew dak kollu li ħadmu għa­lih f’dawn l-aħħar ġimgħat.

Huwa kellu ċ-ċans jara lill-players tiegħu f’kamp ta’ taħriġ li sar fil-bidu ta’ Lulju li għadda u seta’ jinnota l-entużjażmu tagħhom.

Iżda minkejja kollox, it-taħriġ u l-logħob mhumiex l-istess ħaġa u b’hekk jittama li dak li ppreparaw għalih, juruh waqt iż-żewġ logħbiet li ġejjin.

Mangia qal li minħabba l-pandemija ma setgħux jiġu organizzati logħbiet ta’ ħbiberija li kienu ppjanati.

Fil-fatt huma kellhom jilagħbu kontra Ġibiltá u l-Azerbaijan, f’Marzu li għadda,  filwaqt li f’Ġunju kellhom jaffrontaw lill-Portugall.

Meta mistoqsi dwar l-ewwel avversarji u kemm jaf dwarhom, Mangia qal li studja sew il-logħob tagħ­hom kif ukoll kellu ċ-ċans jara l-partiti li Malta lagħbet kontra l-istess Faroe Islands riċentement.

Hu qal li bħalma Malta bidlu l-coach u anke players, l-istess ħaġa għamlu l-avversarji tagħna … u kull logħba fiha l-istorja tagħha.

Meta ġie mistoqsi dwar l-iskwadra li għażel, li hi relattivament żgħira fl-etá, Mangia sostna li għażel grupp ta’ players li kien ħaqqhom għal dak li għamlu f’dawn l-aħħar ġimgħat.

L-għan tiegħu huwa li jżid il-preżenza internazzjonali ta’ xi wħud mill-players għal­kemm jaf li għall-bidu jista’ jkun hemm xi żbalji individwali speċjalment minħabba n-nuqqas ta’ esperjenza li għandhom.

Mangia qal li dan huwa proġett ġdid li qed jaħdem għalih flimkien ma’ dawk kollha nvoluti fiċ-Ċentru Tekniku tal-MFA.

Huwa għalhekk li l-għajnuna ta’ kulħadd hi importanti u hawn xtaq jirringraz­zja lil dawk kollha li ħadmu f’dawn l-aħħar ġimgħat minkejja li l-pandemija tal- Covid-19 ħarbtet il-preparazzjoni tiegħu.

Finalment Devis Mangia sostna li hu se jagħmel minn kollox biex jara l-progress fil-football Malti. Tenna li l-bieb huwa miftuħ għal kulħadd u issa li kellu ċ-ċans jara lill-players sew, beda jadatta għal dan l-ambjent ġdid tiegħu.

Huwa għandu l-players kollha għad-dispożizzjoni tiegħu fejn ma hemm l-ebda injury jew sospensjoni.

Illum filgħodu ssir l-aħħar sessjoni ta’ taħriġ biex il-coach isejjaħ l-iskwadra finali għaż-żewġ partiti.

Imbagħad, il-kontinġent Malti jitlaq lejn il-Faroe Islands b’titjira diretta lejn Torshavn biex il-players ikol­lhom ċans jagħmlu l-ewwel sessjoni ta’ taħriġ lejliet il-partita.

Share With: