UNL: Illum Malta tilgħab kontra l-Faroe Islands

Fl-ewwel konferenza stampa li qatt saret online meta Malta lagħbet barra minn xtutna, fiha tkellmu l-coach nazzjonali Devis Mangia u l-captain Andrei Agius, hekk kif illum Malta se tibda l-impenji tagħha fil-UEFA Nations Lea­gue, meta f’Torshavn, tiffaċċja lil Faroe Islands.

Mangia beda billi qal li jinsab konxju mill-fatt li mhux se tkun logħba faċli kontra team li se jilgħab f’daru u li kompla jtejjeb l-livell tiegħu f’dawn l-aħħar snin.

Huwa kellu ċ-ċans jara lil dan it-team fil-logħbiet preċe­denti kontra Malta u seta’ jin­nota s-saħħa fiżika u l-ħeffa li għandhom. Barra minn hekk hawa saħaq il-fatt li huma ilhom għaddejjin bil-kampjonat domestiku sa minn Mejju u diġá lagħbu 17-il partita, se jkun ta’ vantaġġ kbir għalihom.

Meta mistoqsi dwar l-ewwel avversarji tagħna f’din il-kompetizzjoni u kemm jaf dwarhom, Mangia qal li studja sew il-partiti tagħhom.

Huwa sostna li bħalma Malta bidlu l-coach u anke l-players, l-istess ħaġa għamlu l-avversarji tagħna.

Huwa saħaq li fl-iskwadra Maltija m’hemmx xi player stilla jew fenomenu iżda afferma li l-kollettiv huwa fundamentali biex jinkisbu r-riżultati mixtieqa.

Finalment Devis Mangia sostna li hu se jagħmel minn kollox biex jara lit-team Malti joħroġ mill-pitch b’rasu mgħollija wara wirja u riżultat pożittiv.

Il-coach nazzjonali kkonkluda billi qal li għandu l-players kollha għad-dispożizzjoni fejn m’hemm l-ebda problema ta’ injury, filwaqt li ma ta l-ebda dettalji rigward it-tattika li se jkun qed jaddatta u lanqas rigward il-formazzjoni inizjali fosthom jekk it-Taljan, Enrico Pepe, u l-Franċiż, Teddy Teuma, hux se jkunu utilizzati mal-ewwel 11 wara li ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija.

Intant, tkellem ukoll Andrei Agius li qal li l-ambjent fid-dressing room Maltija huwa wieħed ferm san waqt li jinsab ferm kuntent u onorat li ta’ 34 sena qed jittrasmetti l-esperjenza wiesa’ tiegħu lil diversi players żgħażagħ li ġew imseħja fl-iskwadra Maltija.

Share With: