UNL: Niksbu punt fi draw ġust kontra l-Latvja

Minn Cristian Muscat … ritratt: Dominic Borg

Malta …… 1

Latvja ….. 1

Malta kisbet l-ewwel punt f’din l-edizzjoni tal-UEFA Nations League meta fl-Istadium Nazzjonali temmet fi draw ta’ 1-1 kontra l-Latvja li kollox ma’ kollox kien wieħed meritat.

B’hekk b’dan ir-riżultat twaqqfet ukoll is-sensiela negattiva ta’ 10 telfiet konsekuttivi f’logħbiet kompetittivi.

Il-coach nazzjonali Devis Mangia wettaq żewġ bidliet mit-team li safa megħlub mill-Faroe Islands bl-iskor ta’ 3-2, nhar il-Ħamis li għadda, meta utilizza lid-debuttant Enrico Pepe u lil Teddy Teuma fil-post ta’ Andrei Agius u Steve Pisani rispettivament.

Ta’ nota huwa l-fatt li din il-partita kienet ikkontrollata mir-referee Franċiża, Stephanie Frappart, biex kienet l-ewwel uffiċjal fem­minili f’partita ta’ Malta.

L-ewwel taqsima kienet waħda bilanċjata u meritatament iż-żewġ timijiet daħlu jistrieħu fi draw ta’ 1-1.

Fit-tieni taqsima naqset l-intensitá miż-żewġ timijiet hekk kif dehru maħkuma mill-għejja.

Peró l-karta safra li ntwera Matthew Guillaumier f’din it-taqsima kienet tfisser li se jkun sospiż fil-logħba li jmiss, kontra Andorra.

Bdejna tajjeb iżda wara li ftaħna l-iskor ħallejna wisq spazji biex l-avversarji ħadu l-inizjattiva u kisbu d-draw. Peró b’mod gradwali erġajna ksibna l-kunfidenza u bdejna naqsmu l-logħob.

Il-Maltin ħarġu tajjeb u wara sitt minuti, ersaqna viċin li niftħu l-iskor meta Ryan Camenzuli approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża avversarja u b’xutt qawwi għeleb lill-goalkeeper, Pavels Steinbors, iżda ġie mċaħħad minn sieq il-lasta.

Iżda fil-15-il minuta ftaħna l-iskor meta Joseph Mbong rċieva cross fit-tul fuq il-faxxa laterali, qabeż lil Raivis Jurkovskis, daħal fil-kaxxa u xeħet cross fil-baxx fejn daħal KYRIAN NWOKO li rtokka l-ballun għal ġox-xibka … biex dan kien il-170 goal skorjat f’darna fl-istorja tat-team nazzjonali. 

Fit-23 minuta, kien il-goalkeeper, Henry Bonello, li salva parzjalment fuq Andrejs Ciganiks biex Zach Muscat biegħed il-periklu.

Iżda żewġ minuti wara, il-Lat­vja kisbu d-draw meta minn azzjoni ta’ corner,  Kaspars Dubra tħalla litteralment waħdu u bit-tentattiv tiegħu jkun sejjer barra … il-ballun ħabat ma’ Matthew Guillaumier għal auto-goal sfortunat.

Fis-37 minuta, Bonello salva tajjeb fuq Raimonds Krollis li ħa­rab waħdu filwaqt li minuta wara, minn kontrattakk veloċi, Luke Gambin venven xutt qawwi minn barra l-kaxxa għar-rokna tax-xibka iżda Steinbors tar minn tulu u dawwar f’corner.

It-tieni taqsima żvolġiet f’waħda monotona b’ħafna mil-logħob ikun konċentrat f’nofs il-ground.

Fl-74 minuta, fl-unika azzjoni denja ta’ nota, Nwoko kien għoddu rdoppja għall-Maltin iżda ma laqatx tajjeb il-ballun.

Mill-bqija ma kien hemm l-ebda azzjoni miż-żewġ naħat li setgħet wasslet għall-goal tar-rebħa.

MALTA: 1-Henry Bonello, 3-Ryan Camenzuli, 4-Steve Borg (5-Andrei Agius 84), 6-Matthew Guillaumier (10-Steve Pisani 89), 7-Joseph Mbong, 9-Kyrian Nwoko, 13-Enrico Pepe, 17-Teddy Teuma, 18-Jurgen Degabriele (8-Jake Grech 60), 20-Luke Gambin, 22-Zach Muscat  – Coach: Devis Mangia

LATVJA: 1-Pavels Steinbors, 4-Kaspars Dubra, 6-Anronijs Cernomordijs, 7-Eduards Emsis, 10-Janis Ikaunieks, 11-Ro­berts Savalnieks (8-Ritvars Rugins 66), 13-Raivis Jurkovskis, 14-Andrejs Ciganiks, 16-Alvis Jaunzems, 17-Arturs Zjuzins (21-Kriss Karklins 86), 20-Raimonds Krollis (9-Davis Ikaunieks 62) – Coach: Dannis Kazakevics

REFEREE: Stephanie Frappart (Franza)

ASS. REFEREES: Aurelien Drouet, Mikael Berchebru (Franza)

RABA’ UFF: Delajod Willy (Franza)

SKORERS: K. Nwoko 15 (M); M. Guillaumier 25 (L)

AMMONITI: A. Zjuzins  K. Raimonds, A. Cernomordijs (L); J. Mbong, M.Guillaumier (M)

Share With: