UNL: Ninsabu iffukati għal kontra l-Latvja – Devis Mangia

Proprju llum Malta tilgħab it-tieni partita minn Grupp D1 tal-UEFA Nations League meta fl-Istadium Nazzjonali tospita lil Latvja. It-team immexxi mill-coach Taljan, Devis Mangia, għadu ġej minn telfa ta’ 3-2 kontra l-Faroe Islands f’liema partita kien ħaqqna aħjar.

Mangia sostna li rreveda sew din il-partita fejn se jkompli jibni fuq l-affarijiet pożittivi u meta mistoqsi dwar l-iżbalji fid-difiża li setgħu ġew evitati, huwa qal li jippreferi jitkellem iktar fuq it-team in ġenerali milli fuq dipartiment parti­kolari.

Fatt ieħor pożittiv li ħareġ mill-partita kontra l-Faroes, skond Mangia, kienu l-players żgħażagħ li ġew introdotti f’dak li hu meqjus bħala l-proġett il-ġdid tat-team Malti.

Huwa qal li din kienet biss l-ewwel logħba tiegħu bħala coach ġdid tat-team nazzjonali u jemmen li l-futur huwa wieħed sabiħ.

Mangia kompla biex qal li jinsab konxju li l-Latvja huma team superjuri għall-Faroe Islands u li fl-aħħar partita kontra Andorra (0-0) kien jimmeritahom jirbħu.

Iżda huwa tenna li għandu fiduċja assoluta fil-players tie­għu u l-wirja ta’ nhar il-Ġimgħa, f’Torshavn, tkompli żżidlu din il-fiduċja.

Dan għalkemm il-players kol­lha ħassew it-telfa speċjalment għall-mod kif waslet, iżda issa huwa qed iħares biss ‘il quddiem għall-partita tal-lum.

Huwa stqarr li m’għandu l-ebda problema bil-formazzjoni hekk kif il-players kollha jinsabu fl-aqwa kundizzjoni possibbli.

Intant, tkellem ukoll il-midfielder ta’ Birkirkara, Matthew Guillaumier, – bla dubju fost l-aqwa players Maltin fit-telfa kontra l-Faroes.

Bħall-coach Mangia, huwa qal li t-telfa ta’ nhar il-Ġimgħa li għadda  xejn ma niżlet tajjeb iżda issa jinsabu  motivati u lesti biex jiksbu riżultat pożittiv kontra l-Latvja.

Il-Latvja huma rrankjati fil-137 post tal-FIFA, huma mmex­xija mill-coach Dannis Kaza­kevics li għandu 39 sena u li lagħab fil-kampjonat ta’ pajjiżu għal xi snin. Wara li mexxa lit-team nazzjonali ta’ Taħt il-21 sena, huwa nħatar fit-tmexxija ta’ pajjiżu f’Jannar li għadda biex ħa post Slavisa Stojanovic.

Din se tkun is-sitt partita bejn dawn iż-żewġ timijiet. Fil-logħbiet preċedenti, il-Latvja rebħu tliet logħbiet filwaqt li l-Maltin kisbu żewġ rebħiet. L-aħħar konfront bejn dawn iż-żewġ nazzjonijiet intlagħab fis-7 t’Ottubru 2011 meta f’Riga l-Latvja kienu rebħu 2-0 f’logħba valida mill-kwalifikazzjoni għal EURO 2012.

Il-logħba li se tintlagħab fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali bil-bibien magħluqa, tibda fid-8.45 pm.

Share With: