UNL: Wirja metikoluża mhux biżżejjed għall-Maltin
Ritratt: Malta Football Assocation
Faroe Islands …… 3
Malta ………………. 2
Il-football kattiv! Il-Maltin lagħbu partita metikoluża, kienu l-aħjar team għal ħinijiet twal u sfaw megħluba 3-2 mill-Faroe Islands b’żewġ goals fl-aħħar minuti liema partita kienet valida minn Grupp D1 tal-UEFA Nations League.
Sa mis-suffara inizjali, l-avversarji tagħna mill-ewwel urew l-intenzjonijiet tagħhom u ħarġu fuq l-offensiva biex jiksbu goal kmieni fejn ippruvaw jixħtu pressjoni fuq il-lasti Maltin … iżda d-difensuri tagħna bdew “jifgaw” il-furja tagħhom.
Atletikament dehru aktar ħfief u veloċi mill-Maltin u saħansitra bdew jirrikorru għal crosses fit-tul fuq il-faxex laterali fit-tentattiv li jaqbdu lid-difiża Maltija fuq sieq waħda … kif proprju ġara fl-ewwel goal.
Iżda kif sofrejna l-goal, għamilna reazzjoni u minbarra li konna aħjar mill-avversarji, stajna dħalna nistrieħu fil-vantaġġ.
Wara biss sitt minuti, il-Faroes setgħu faċilment fetħu l-iskor meta mill-cross fit-tul ta’ Viljornur Davidsen, Joannes Bjartalid waħdu quddiem il-goalkeeper Malti, Henry Bonello, naqas li jolqot il-ballun.
Fit-13-il minuta kellu jkun Bonello li salva goal ċert meta Hallur Hansson żmarka għal kollox lil Brandur Hendriksson li mmira lejn ir-rokna tax-xibka … u bl-għajta tal-goal …. il-goalkeeper Malti kien providenzjali biex imblokka x-xutt tiegħu.
Fit-22 minuta, il-Faroes fallew ċans ieħor meta Solvi Vatnhamar xeħet lejn Bjartalid li dar ma’ Zach Muscat iżda l-konklużjoni tiegħu għaddiet ma’ sieq il-lasta.
Iżda tliet minuti wara huma fetħu l-iskor meta Bjartalid għadda lejn Solvi Vatnhamar li bil-cross insidjuż tiegħu qata’ għal kollox lid-difiża Maltija biex daħal Klaemint Olsen li minkejja li kien issikkat minn Joseph Mbong, bir-ras xeħet fir-rokna tax-xibka.
Minuta wara, il-Maltin setgħu ngħataw penalty meta minn azzjoni ta’ corner, Joannes Danielsen litteralment ġibed lil Andrei Agius u niżżlu mal-art … iżda kien kollox normali għar-referee Ungeriż, Adam Farkas.
U proprju fl-ewwel xutt lejn il-lasti avversarji, il-Maltin kisbu d-draw, meta fis-37 minuta, JURGEN DEGABRIELE beda u spiċċa l-azzjoni meta pplejsja l-ballun fir-rokna tax-xibka … qabel ma għadda lejn Kyrian Nwoko li kompla lejn Luke Gambin biex dan tal-aħħar irreċiproka lejn l-attakkant ta’ Hibernians biex irreġistra l-ewwel goal tiegħu mat-team nazzjonali … u t-30 mill- players Pawlisti.
Fit-43 minuta, Matthew Guillaumier venven kanunata minn barra l-kaxxa li ġiegħlet lill-goalkeeper, Gunnar Nielsen, idawwar f’corner bi tbatija.
It-tieni taqsima fetħet b’xutt ta’ Hendriksson li spiċċa għoli u fil-55 minuta, Joseph Mbong kien għoddu kkommetta auto-goal meta l-clearance tiegħu mill-cross ta’ Meinhard Olsen, ħabtet mal- mimduda
Fis-68 minuta, Bonello reġa’ salva lit-team Malti meta f’kontrattakk veloċi, Klaemint Olsen xeħet cross għan-nofs fejn sab lil Bjartalid li b’xutt angolat deher li seta’ jiskorja iżda l-goalkeeper Malti salva minn fuq il-linja fatali.
Erba’ minuti wara, il-Maltin meritatament marru fil-vantaġġ meta mill-free-kick ta’ Luke Gambin, ANDREI AGIUS irnexxielu jiżmarka lilu nnifsu u b’xutt mill-ewwel xeħet fir-rokna tax- xibka.
Minuta qabel, Paul Mbong daħal minflok Degabriele biex għamel id-debutt għal Malta u ngħaqad ma’ ħuh Joseph. L-aħħar darba li żewġ aħwa lagħbu fl-istess partita għal Malta kienu Raymond u George Xuereb, fid-draw ta’ 0-0 kontra ċ-Ċekoslovakkja, fil-21 ta’ April, 1985, liema partita kienet valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 1986.
B’hekk Joseph u Paul Mbong saru l-ħames par aħwa li lagħbu għal Malta fl-istess partita li kienu jinkludu wkoll lil Lewis u Eddie Theobald, Edward u Ritchie Aquilina u John u Julian Holland.
Bil-minuti għaddejjin u bil-Maltin l-aħjar team fil-ground, kien hemm antiċipazzjoni li konna se niksbu l-ewwel rebħa għand l-istess Faroes … iżda żewġ goals f’temp ta’ żewġ minuti l-avversarji tagħna dawru telfa f’rebħa b’xutt imdawwar ta’ ANDREAS LAVA OLSEN (89) wara clearance qasira mid-difiża Maltija u minn free-kick stupend ta’ Brandur Hendriksson (91).
FAROE ISLANDS: 1-Gunnar Nielsen, 2-Joannes Danielsen, 3-Viljornur Davidsen, 4-Heini Vatnsdal, 5-Sonni Ragnar Nattestad, 6-Hallur Hansson, 7-Joannes Bjartalid (14-Patrik Johannesen 80), 8-Brandur Hendriksson, 10-Solvi Vatnhamar, 11-Klaemint Olsen (9-Andrea Olsen 80), 18-Meinhard Olsen (20-Dan Soylu 65) – Coach: Hakan Ericson
MALTA: 1-Henry Bonello, 3-Ryan Camenzuli, 4-Steve Borg, 5-Andrei Agius, 6-Matthew Guillaumier, (17-Teddy Teuma 79), 7-Joseph Mbong, 9-Kyrian Nwoko, 10-Steve Pisani (11-Rowen Muscat 85), 18-Jurgen Degabriele (19-Paul Mbong 71), 20-Luke Gambin, 22-Zach Muscat – Coach: Devis Mangia
REFEREE: Adam Farkas (Ungerija)
ASS. REFEREES: Balazs Szert, Theodoros Georgiou (Ungerija)
RABA’ UFF: Ferenc Karako (Ungerija)
SKORERS: K. Olsen 25, A. Olsen 89, B. Hendriksson 91, (FI); J. Degabriele 37, A. Agius 72 (M)
AMMONITI: S. Vatnhamar, J. Danielsen (FI); M. Guillaumier, K. Nwoko (M)