Valletta jibdew l-istaġun b’rebħa meritata

Ritratt: Domnic Borg

Valletta……………….4

Birkirkara…………..2

Valletta bdew l-istaġun fuq nota pożittiva meta kisbu rebħa meritata ta’ 4-2 fuq ir-rivali Birkirkara, f’partita li fiha dehru ferm kumpatti u organizzati f’kull dipartiment tal-ground, fejn għall-kuntrarju, Birkirkara dehru erratiċi f’xi waqtiet, bl-attakkant Federico Falcone ikun maqtugħ u iżolat għal kollox fl-attakk.

Birkirkara fetħu l-iskor fl-ewwel periklu li ħolqu fis-seba’ minuta meta Caio Henrique Prado b’intelliġenza għadda lejn FEDERICO FALCONE li minn taħt il-lasta ma żbaljax.

Iżda l-Istripes bilkemm kellhom ċans jifirħu għal dan il-goal li Valletta ma ġabux l-iskor indaqs eżatt minuta wara, meta Joseph Zerafa xeħet cross lejn SANTIAGO MALANO li permezz ta’ daqqa ta’ ras tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.

Il-Lilywhites komplew jipproduċu l-isbaħ logħob u fit-18-il minuta irduppjaw  minn daqqa ta’ ras ta’ KYRIAN NWOKO li kkonkluda fir-rokna tax-xibka mill-cross ta’ Eslit Sala.

Wara dan il-goal, il-logħba naqqset xi ftit mir-ritmu kien fl-44 minuta li ġiet innutata azzjoni dejna  meta Claudio Bonanni għall-Istripes venven xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa li ġie mdawwar f’corner mill-goalkeeper, Henry Bonello.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Birkirkara ħarġu aktar avventurużi u fl-64 minuta rebħu penalty meta Rowen Muscat waqqa’ lil Matthew Guillaumier fil-kaxxa. Mill-11-il metru, YANNICK YANKAM li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt b’saħħtu tefa’ l-ballun naħa u lil Henry Bonello n-naħa opposta.

Valletta wettqu reazzjoni  u seba’ minuti wara, kien imiss lilhom li jirbħu penalty meta s-sostitut Shaun Dimech approfitta minn inġenwitá assoluta ta’ Oscar Carniello fejn seraqlu l-ballun, avvanza tajjeb, dar mal-goalkeeper tal-Istripes Andrew Hogg, iżda twaqqa’ fl-istess azzjoni.

Iżda LEANDRO AGUIRRE kellu x-xutt tiegħu salvat parzjalment mill-istess Hogg, peró mir-rebound, il-midfielder Arġentin tefa’ fix-xibka.

It-team mill-belt  kompla jattakka u fil-ħin miżjud issiġilla r-rebħa meta minn kontrattakk veloċi, Rei Tachikawa għadda tajjeb lejn MATTEO PICIOLLO li antiċipa l-ħarġa tal-goalkeeper Karkariż u tefa’ l-ballun f’lasti vojta.

Valletta: 1-Henry Bonello, 2-Jonathan Caruana, 8-Santiago Malano (Taisei Marukawa 65), 9-Taylon Nicolas Marcolino (Shaun Dimech 65), 14-Kyrian Nwoko (Matteo Piciollo 83), 19-Joseph Zerafa 21-Eslit Sala, 22-Nicholas Pulis (Triston Caruana 55), 24-Rowen Muscat, 25-Leandro Damian Aguirre (Ryan Camilleri 83), 55-Nihailo Jovanovic Coach: Jesmond Zerafa

Birkirkara: 1-Andrew Hogg, Enrico Pepe, Matthew Guillaumier, Paul Mbong (Luke Montebello 80), 14-Yannick Yankam, Federico Falcone, 22-Cain Attard (Roderick Briffa 38), 23-Claudio Bonanni, 24-Caio Henrique Prado Rocha (Kurt Zammit 80), 25-Matias Oscar Carniello, 77-Isaac Toah Ntow Coach: André Paus

Referee: Philip Farrugia

Ass. Referees: Alan Camilleri, Chris Francalanza

Raba’ Uffiċjal: Slobodan Petrovic

Skorers: F. Falcone 7, Y. Yankam pen. 64 (B), S. Malano 8, K. Nwoko 18, L. D. Aguirre 71, M. Piciollo 90 (V)

Ammoniti: C. Attard, A. Hogg, O. Carniello (B), R. Muscat, S. Dimech (V)

Player tal-Logħba: Santiago Malano (V)

Share With: