Waterpolo: Exiles jikkonvinċu u jisfurzaw it-tielet play-off

Ritratt: Domnic Borg

Sirens  ……. 7

Exiles …… 13

(2-3, 0-4, 0-5, 5-1)

Exiles kkonvinċew bis-sħiħ u għelbu lil Sirens bl-iskor ta’ 13-7  biex b’hekk sfurzaw it-tielet play-off tal-kwarti-finali, biex  ikun determinat min se  jaffronta lil San Ġiljan fis-semi-finali.

Exiles kienu l-aħjar team mill-bidu sat-tmiem filwaqt li Sirens iddiżappuntaw u kienu biss id-dell tat-team li ttrijonfa kontra l-istess Exiles bl-iskor ta’ 6-4 nhar il-Ħamis li għadda.

Għal Exiles, impressjona ferm Mark Fenech li skorja ħames goals waqt li l-aqwa skorer għal Sirens kien iż-żagħżugħ Tristan Said b’żewġ goals.

Exiles rebħu l-ewwel sessjoni bil-punteġġ ta’ 3-1, bil-goals jaslu minn penalty ta’ Mark Fenech, Nicky Paris u Aurelien Cousin minn man-up wara li tkeċċa Lucas Falzon … wara li Sirens fetħu vantaġġ ta’ żewġ goals minn Matthew Sciberras u Matthias Azzopardi.

It-tieni sessjoni kienet strumentali biex Exiles wittew it-triq tar-rebħa hekk kif skorjaw erba’ goals mingħajr risposta biex daħlu jistrieħu bl-iskor ta’ 7-2. Il-protagonisti kienu Mark Fenech (2) bl-ewwel goal jasal minn sitwazzjoni ta’ player aktar wara li tkeċċa Jake Ciantar u t-tieni wieħed minn penalty, u Kurt Griscti li wkoll irreġistra doppjetta bl-ewwel goal jasal minn penalty.

B’Sirens jidhru maħsuda u demoralizzati, Exiles komplew jiddominaw u aċċertaw mir-rebħa meta rebħu t-tielet sessjoni bl-iskor ta’ 5-0 … b’goals minn Mark Fenech (2) biż-żewġ goals tiegħu jaslu wara li tkeċċew John Napier u Jake Ciantar, Jake Bajada, Timmy Sullivan u Kurt Griscti.

Bil-logħba mirbuħa u mitlufa, 12-2 favur Exiles, Sirens rebħu r-raba’ sessjoni 5-1.

L-iskorers għat-team minn San Pawl il-Baħar kienu Jerome Zerafa Gregory minn man-up wara li tkeċċa Simon Apap, Ganni Farrugia, Tristan Said (2), bit-tieni goal jasal minn sitwazzjoni ta’ player iktar wara li tkeċċa Mark Fenech, u Gabriel Sammut. Min-naħa l-oħra, Aurelien Cousin skorja l-uniku goal għal Exiles.

Sirens: 1-Joseph Parnis, 2-Jake Ciantar, 3-Ken Erdogan, 4-Gabriel Mellilo, 5-Jerome Zerafa Gregory (1), 6-Tristan Said (2), 7-Lucas Falzon, 8-Isaiah Riolo, 9-John Napier, 10-Mikhael Cutajar, 11-Matthew Sciberras (1), 12-Matthias Azzopardi  (1), 13-Owen Gauci 14-Ganni Farrugia (1), 15-Gabriel Sammut (1) Coach: Marko Orlovic

Exiles: 1-Matthew Castillo, 2-Jake Bajada (1), 3-Andrew Magri, 4-Philip Paris, 5-Timmy Sullivan (1), 6-Sean Xerri de Caro, 7-Mark Fenech (5), 8-Kurt Griscti (3), 9-Nicky Paris (1), 10-Aurelien Cousin (2), 11-Simon Apap, 12-Isaac Schembri – Coach: Igor Vukanovic

Referees: Massimo Angileri, Stefan Licari

Share With: