Waterpolo: Marsaxlokk jirbħu logħba bilanċjata

Ritratt: Dominic Borg

I Diviżjoni

Marsaxlokk .. 7

Marsaskala … 6

(1-3, 2-0, 3-1, 1-2)

Marsaxlokk għelbu lir-rivali Marsaskala bl-iskor ta’ 7-6, f’partita ferm bilanċjata u akkanita mill-bidu sat-tmein. Għax-Xlukkajri, l-aqwa skorers kienu Joseph Galea u Matteo Cacici li rreġistraw doppjetta  filwaqt li għall-Iskalin l-aktar players li rnexxielhom isibu x-xibka kienu Jean Claude Cutajar u Max Aquilina wkoll b’żewġ goals.

Kienu Marsaskala li ħarġu ferm aggressivi u rebħu l-ewwel sessjoni bl-iskor ta’ 3-1 bil-goals jaslu minn Paul Privitera minn man-up wara li tkeċċa Timmy Agius, Jean Claude Cutajar u Max Aquilina. Timmy Agius skorja l-uniku goal għat-team immexxi mill-coach Joe Cremona.

Iżda fit-tieni sessjoni Marsaxlokk wettqu reazzjoni tajba hekk kif rebħuha bl-iskor ta’ 2-0, bl-iskorers ikunu Joseph Galea minn man-up wara li tkeċċa Malcolm Manara, u Kyle Cremona.

Marsaxlokk rebħu wkoll it-tielet sessjoni bl-istess skor li bih Marsaskala trijonfaw fl-ewwel sessjoni jiġiferi dak ta’ 3-1. Il-goals ġew skorjati minn Matteo Martellacci u Matteo Cacici (2) bit-tieni goal tiegħu jasal minn man-up wara li tkeċċa Liam Grixti.

Il-goal waħdani ta’ Marsaskala wasal minn Max Aquilina wara li tkeċċa Timmy Agius.

Marsaskala rebħu l-aħħar sessjoni bl-iskor ta’ 2-1 iżda dan ma kienx biżżejjed għalihom biex almenu ħarġu b’punt mill-pixxina. L-iskorers kienu Jean Claude Cutajar minn man-up wara li tkeċċa Joseph Galea u Luca Felice wkoll minn sitwazzjoni ta’ player iktar wara li din id-darba tkeċċa Matteo Cacici. Joseph Galea wieġeb għal Marsaxlokk liema goal kien biżżejjed biex ta t-tliet punti lit-team tiegħu.

Marsaxlokk: 1-Ryan Coleiro, 2-Julian Rizzo Naudi, 3-Matteo Martellacci (1), 4-Matthew Pace, 5-Timmy Agius (1), 6-Benji Lanzon, 7-Joseph Galea (2), 8-Kyle Cremona (1), 9-Stephen Micallef, 10-Rainer Scerri, 11-Matteo Cacici (2), 12-0tis Zammit (1), 13-Fredrick Buhagiar Coach: Joe Cremona

Marsaskala: 1-Jurgen Micallef, 2-Jean Claude Cutajar (2), 3-Ayrton Camenzuli, 4-Paul Privitera (1), 5-Max Aquilina (2), 6-Liam Grixti, 7-Kyle Navarro, 8-Malcolm Manara, 9-Luca Felice (1), 10-Jan Culic, 11-Reinhard Attard, 12-Dalton Camilleri, 13-Aiden Muscat Coach: Arpad Babay

Referees: Alex De Raffaele, Massimo Angileri

Share With: