Waterpolo: Rebħa konvinċenti għal Marsaskala

Ritratt: Christine Borg

I Diviżjoni

Ta’ Xbiex ………… 6

Marsaskala ….. 10

(0-1, 2-6, 1-1, 3-2)

Marsaskala kkonvinċew bis-sħiħ biex għelbu lil Ta’ Xbiex bl-iskor ta’ 10-6. 

Il-protagonisti taż-żewġ timijiet kienu Max Aqulina għal Marsaskala u Mark Carani għal Ta’ Xbiex li skorjaw trippletta kull wieħed. 

L-ewwel sessjoni kienet waħda bilanċjata u d-differenza bejn iż-żewġ timijiet kien il-goal li skorja Jean Claude Cutajar għal Marsaskala. 

Iżda fit-tieni sessjoni l-Iskalin ħadu l-inizjattiva u rebħuha bl-iskor ta’ 6-2. Kien Matthew Mifsud li skorja għal Ta’ Xbiex biex kiseb id-draw momentarju. Iżda doppjetta ta’ Max Aquilina u goal ieħor ta’ Paul Privitera, Marsaskala fetħu vantaġġ ta’ 4-1. 

U minkejja li Mark Carani naqqas il-marġni tal-iskor għal Ta’ Xbiex, l-Iskalin reġgħu skorjaw tliet darbiet oħra minn Reinhard Attard, Paul Privitera u Kyle Navarro biex daħlu jistrieħu b’vantaġġ ta’ 7-2 u prattikament aċċertaw ruħhom mir-rebħa. 

It-tielet sessjoni spiċċat fi draw ta’ 1-1, b’Mark Demarco jnaqqas il-marġni għal Ta’ Xbiex wara li tkeċċa Ayrton Camilleri filwaqt li Jean Claude Cutajar żamm il-ħa­mes goal vantaġġ għall-Iskalin.  

Fir-raba’ sessjoni, Ta’ Xbiex ipprovaw jagħmlu reazzjoni u minkejja li skorjaw tliet goals, Marsaskala baqgħu jżommu l-pass hekk kif wieġbu b’żewġ goals biex qatt ma dehru f’periklu li setgħu jitilfu xi punti. 

It-tliet goals ta’ Ta’ Xbiex waslu minn doppjetta ta’ Mark Carani, bl-ewwel wie­ħed jasal wara li tkeċċa Malcolm Manara, u Niall Saliba. 

Min-naħa tal-Iskalin, wieġbu Max Aquilina u Dalton Camilleri.

Ta’ Xbiex: 1-Miguel Vassallo, 2-Matthew Mifsud (1), 3-Raoul Greco, 4-Daniel Rizzo, 5-Francesco Cutajar, 6-Mark Demarco (1), 7-Mark Carani (3), 8-Niall Saliba (1), 10-Gerald Sammut, 11-Nico Schiavone, 12-Sam Azzopardi, 13-Miguel Farrugia – Coach: Chris D’Ugo

Marsaskala: 1-Jurgen Micallef, 2-Jean Claude Cutajar (2), 3-Ayrton Camenzuli, 4-Paul Privitera (2), 5-Max Aquilina (3), 6-Liam Grixti, 7-Kyle Navarro (1), 8-Malcolm Manara, 9-Luca Felice, 10-Jan Culic, 11-Reinhard Attard (1), 12-Dalton Camilleri (1), 13- Aiden Muscat – Coach: Arpad Babay

Referees: Peter Balzan, Ne­ville Mercieca

Share With: