Waterpolo: San Ġiljan ikomplu jikkonfermaw il-qawwa tagħhom

Ritratt: Dominic Borg

San Ġiljan …….. 11

Sliema ……………. 8

(1-2, 3-2, 2-1, 5-3)

Fil-bidu tal-istaġun kien hemm aspettattivi kbar li dan tabilħaqq seta’ jkun l-istaġun ta’ Sliema minħabba l-iskwadra wiesa’ u ta’ talent li jippossjedu. Iżda issa dawn ħadu daqqa ta’ ħarta meta huma reġgħu sfaw megħluba, din id-darba kontra San Ġiljan bl-iskor ta’ 11-8, b’din tkun ir-raba’ telfa minn erba’ logħbiet kontra r-rivali diretti tagħhom Neptunes u l-istess San Ġiljan. Dan ifisser li meta ġew fit-testijiet l-aktar importanti … huma fallew.

Għal San Ġiljan reġa’ spikka Ben Plumpton li skorja kważi nofs il-goals kollha għat-team tiegħu, jiġifieri ħamsa, biex kompla jinkuruna staġun mill-aqwa. Min-naħa l-oħra l-aqwa skorer għal Sliema kien Nicholas Bugelli li rreġistra erba’ goals.

San Ġiljan dehru iktar organizzati matul il-partita kollha ħlief għall-ewwel sessjoni, u ma kinitx sorpriża li għelbu lil Sliema li xi drabi dehru diżorganizzati fl-impostazzjoni tattika tagħhom u erratiċi fil-passes.

Is-Slimiżi ħarġu tajjeb u rebħu l-ewwel sessjoni bl-iskor ta’ 2-1, bl-awturi tal-goals ikunu l-captain Mark Meli wara li tkeċċa l-captain tas-Saints, Matthew Zammit, u Nicholas Bugelli. Ben Plumpton skorja l-uniku goal għal San Ġiljan.

Fit-tieni sessjoni, il-Ġiljaniżi wettqu reazzjoni tajba u rebħuha bil-punteġġ ta’ 3-2 biex ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Ben Plumpton minn man-up wara li tkeċċa Zach Mizzi, Andreas Galea ukoll minn sitwazzjoni ta’ player iktar wara li din id-darba tkeċċa Liam Galea, u Matthew Zammit. Min-naħa l-oħra, Liam Galea u Mark Meli skorjaw għat-team immexxi mill-coach Kroat, Sergio Afric.

San Ġiljan reġgħu rebħu t-tielet sessjoni b’vantaġġ ta’ goal … bl-iskor ta’ 2-1, b’Ben Plumpton jirreġistra doppjetta  għat-team immexxi mill-coach Dorian Pisani filwaqt li Nicholas Bugelli skorja l-uniku goal għas-Slimiżi.

L-aħħar sessjoni produċiet xejn inqas minn seba’ goals fejn reġgħu kienu s-Saints li  ħarġu rebbieħa din id-darba bl-iskor ta’ 5-3. Il-goals ġew reġistrati minn Ben Plumpton, Dino Zammit (3) u ż-żagħżugħ Mattias Ortoleva.

Min-naħa l-oħra, Nicholas Bugelli minn żewġ man-ups, l-ewwel wara li tkeċċa l-veteran Paul Fava u mbagħad meta tkeċċa Dino Zammit, u Jerome Gabarretta sabu x-xibka għas-Slimiżi.

San Ġiljan: 1-Jake Tanti, 2-Keith Tanti, 3-Andreas Galea (1), 4-Ben Grech, 5-Marco Mannino, 6-Matthew Zammit (1), 7-Ben Plumpton (5), 8-Jake Bonavia, 9-Zack Micallef, 10-Darren Zammit, 11-Paul Fava, 12-Dino Zammit (3), 13-Gareth Vassallo, 14-Mattias Ortoleva (1) Coach: Dorian Pisani

Sliema: 1-Nicky Grixti, 2-Jerome Gabarretta (1), 3-Liam Galea (1), 4-Jacob Sciberras, 5-Mark Meli (2), 6-Benji Cachia, 7-Michael Spiteri Staines, 8-Jake Cutajar, 9-John Brownrigg, 10-Jamie Gambin, 11-Zach Mizzi, 12-Nicholas Bugelli (4), 13-Cain Cutajar Coach: Sergio Afric

Referees: Ronnie Spiteri, Massimo Angileri

Share With: