Waterpolo: Tlieta minn tlieta għal Neptunes kontra Sliema

Ritratt: Domnic Borg

Sliema…………………..8

Neptunes…………….10

(1-1, 1-3, 4-1, 2-5)

Neptunes għamluhom tlieta minn tlieta kontra Sliema, meta fl-aktar partita bilanċjata bejniethom f’dan l-istaġun għelbuhom bl-iskor ta’ 10-8, biex  issa għandhom cans tajjeb li jikkwalifikaw għall-finali.

B’hekk, Sliema, li matul dan l-istaġun kellhom aspettattivi li setgħu ikunu sfidanti ewlenin għar-rebħ tal-kampjonat, iddiżappuntaw bil-kbir, fejn tilfu l-konfronti diretti kollha kontra l-istess Neptunes u San Ġiljan.

Għal Neptunes, l-aqwa skorer kien is-solitu Stevie Camilleri b’erba’ goals filwaqt li għas-Slimiżi l-aktar players li rnexxielhom isibu x-xibka kienu Michael Spiteri Staines, John Brownrigg u Nicholas Bugelli li skorjaw żewġ goals kull wieħed.

Sa mill-bidu tagħha, il-partita uriet li kienet se tkun waħda bilanċjata hekk kif l- ewwel sessjoni ntemmet fi draw ta’ 1-1, bil-goal għal Neptunes jasal minn Gabriel Pace minn man-up wara li tkeċċa l-captain Mark Meli, filwaqt li għal Sliema wieġeb Liam Galea.

Fit-tieni sessjoni Neptunes bdew juru s-supremazija u rebħuha bl-iskor ta’ 3-1, bil-goals  jaslu minn Jake Muscat, Stevie Camilleri minn man-up wara li tkeċċa Zach Mizzi u Jordan Camilleri. Nicholas Bugelli, wara li tkeċċa James Spiteri Staines għat-tielet darba fil-partita u b’hekk ġie fouled out, sab ix-xibka għal Sliema.

Iżda fit-tielet sessjoni Sliema wettqu reazzjoni tajba u rebħuha 4-1 din is-sessjoni għalqet bl-iskor parzjali ta’ 6-5 favur il-Blues.

Għalihom skorjaw Jerome Gabarretta, John Brownrigg (2) u Michael Spiteri Staines minn man-up wara li tkeċċa Gabriel Pace, filwaqt li l-uniku goal ta’ Neptunes ġie skorjat minn  Jeremy Abela wara li tkeċċa Mark Meli.

B’dan ir-riżultat kien hemm antiċipazzjoni li r-raba’ sessjoni kienet se tkun kumbattuta … peró Neptunes warrbu l-isfida tal-avversarju biex rebħuha 5-2 … u rebħu l-logħba.

L-iskorers tagħhom kienu Nikolai Zammit, Jordan Camilleri (2) u Stevie Camilleri (2), bl-ewwel goal jasal minn penalty u t-tieni wieħed min-naħa l-oħra tal-pitch eżatt mas-suffara finali.

Min-naħa l-oħra Nicholas Bugelli minn man-up wara li ġie fouled out Gabriel Pace, u Michael Spiteri Staines minn penalty sabu skorjaw għal Sliema … li aktar kmieni f’din is-sessjoni kellhom ukoll lil Mark Meli fouled out.

Ta’ nota huwa l-fatt li f’din is-sessjoni tkeċċa iż-żagħżugħ ta’ Neptunes Luke Calleja permezz ta’ karta ħamra diretta.

Sliema: 1-Nicky Grixti, 2-Jerome Gabarretta (1), 3-Liam Galea (1), 4-Jacob Sciberras, 5-Mark Meli, 6-Benji Cachia, 7-Michael Spiteri Staines (2), 8-John Soler, 9-John Brownrigg (2), 11-Zach Mizzi, 12-Nicholas Bugelli (2), 13-Zachary Sciberras Coach: Sergio Afric

Neptunes: 1-Alan Borg Cole, 2-Jake Muscat (1), 3-Luke Calleja, 4-Gabriel Pace (1), 5-Sebi Busuttil, 6-James Spiteri Staines, 7-Stevie Camilleri (4), 8-Jordan Camilleri (2), 9-Jeremy Abela (1), 10-Nikolai Zammit (1), 11-Sebi Stellini, 12-Sam Gialanze, 13-Benji Busuttil Coach: Jovan Popovic

Referees: Massimo Angileri, Ronnie Spiteri

Share With: