Waterpolo: Valletta jkomplu għaddejjin

Ritratt: Christine Borg

Valletta ……. 13

Ta’ Xbiex ……. 7

(5-2, 2-3, 4-0, 2-2)

Valletta komplew għaddejjin bis-sensiela pożittiva ta’ riżultati fl-Ewwel Diviżjoni meta ftit li xejn tħabtu biex għelbu lil Ta’ Xbiex bl-iskor ta’ 13-7.  

B’hekk huma komplew jikkonfermaw bħala l-favoriti netti biex jirbħu l-kampjonat.

Għalihom reġa’ spikka Miguel Zammit li skorja kważi nofs il-goals, b’total ta’ sitta, biex b’hekk kompla jinkuruna staġun mill-aqwa. Min-naħa l-oħra, l-aqwa skorer għal Ta’ Xbiex kien Mark Carani li rreġistra hat-trick.

Valletta mill-ewwel ħarġu fuq l-offensiva u rebħu l-ewwel sessjoni bl-iskor ta’ 5-2.

L-iskorers tagħhom kienu Miguel Zammit minn man-up wara li tkeċċa Mark Demarco, Edward Aquilina, Peter Borg  wara li tkeċċa Nico Schiavone, u Ryan Mock (2) bl-ewwel goal tiegħu jasal ukoll minn sitwazzjoni ta’ player iktar wara li din id-darba tkeċċa Raoul Greco.

Min-naħa l-oħra, Mark Carani u Matthew Mifsud wieġbu għal Ta’ Xbiex.

Fit-tieni sessjoni, Ta’ Xbiex għamlu reazzjoni u reġgħu daħlu fil-logħba meta rebħuha bl-iskor ta’ 3-2 biex daħlu jistrieħu b’distakk ta’ żewġ goals biss.

Għalihom skorjaw Mark Carani (2) u Nico Schiavone filwaqt li għal Valletta wieġbu Miguel Zammit u Niki Lanzon.

Peró fit-tielet sessjoni, il-Beltin ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-0 liema riżultat kien determinanti fejn kienu sejrin it-tliet punti. F’din is-sessjoni spikka Miguel Zammit li rreġistra trippletta bil-goal l-ieħor jasal minn Peter Borg.

Fil-veritá, Ta’ Xbiex ippruvaw jagħmlu reazzjoni iżda r-raba’ sessjoni żvolġiet f’botta u risposta biex spiċċat fi draw ta’ 2-2 … fejn għal Valletta skorjaw Michele Stellini u Miguel Zammit biex għal kull goal irrispondew Gerald Sammut u Daniel Rizzo.

Valletta: 1-Ryan Sciortino, 2-Peter Borg (2), 3-Edward Aquilina (1), 4-Michele Stellini (1), 5- Andrea Agius, 6-Ryan Mock (2), 7-Daniel Paolella, 8-Andrea Bianchi, 9-Nicholas Farrugia, 10-Miguel Zammit (6), 11-Keith Galea, 12-Niki Lanzon (1), 13-Thomas Micallef Coach: Srdjan Lazaredit

Ta’ Xbiex: 1-Miguel Vassallo, 2-Matthew Mifsud (1), 3-Raoul Greco, 4-Daniel Rizzo (1), 5-Niall Saliba, 6-Mark Demarco, 7-Mark Carani (3), 8-Andrea Mifsud, 10-Gerald Sammut (1), 11-Nico Schiavone (1), 12-Sam Azzopardi, 13-Matthew Farrugia Coach: Chris D’Ugo

Referees: Alex De Raffaele, Massimo Angileri

Share With: