Xi ħaddiema fis-sit tal-proġett tal-Marsa ttestjaw pożittivi għall-Covid-19

Fi stqarrija maħruġa Infrastructure Malta kitbet tgħid li qed taħdem id f’id mal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika sabiex tiżgura saħħet l-impjegati u l-kuntratturi tagħha wara li xi ħaddiema f’wieħed mis-siti tagħha instabu bil-Covid-19.

L-aġenzija kienet infurmata li xi ħaddiema fis-sit tal-Marsa Junction Project ittestjaw pożittivi għall-Coronavirus. Immedjatament għaddiet it-tagħrif kollu meħtieġ lill-awtoritajiet tas-saħħa u appoġġjat lill-kuntrattur tal-proġett sabiex jieħu miżuri addizzjonali ħalli jħares saħħet l-impjegati tiegħu u ħaddiema oħra fis-sit filwaqt li jagħti l-għajnuna medika meħtieġa lill-persuni milquta.

“Il-ħaddiema kollha li setgħu kienu f’kuntatt ma’ dawk li nstabu pożittivi għall-virus qed jintalbu jagħmlu t-test u josservaw il-proċedura t’iżolament”

Infrastructure Malta

Infrastructure Malta qed titkellem ukoll mal-kuntratturi tal-Marsa Junction Project sabiex tnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt ta’ din is-sitwazzjoni fuq id-dati tat-tlestija ta’ dan l-investiment. Din il-ġimgħa, il-kuntratturi kienu qed jagħmlu l-aħħar xogħlijiet biex ilestu tliet flyovers oħra u jiftħu aktar korsiji ta’ dan il-proġett ta’ €70 miljun fir-rotta ewlenija lejn in-nofsinhar ta’ Malta. Sabiex tiġi żgurata saħħet il-ħaddiema, il-ftuħ ta’ dawn il-flyovers u korsiji jista’ jiġi pospost bi ftit ġimgħat.

Aktar kmieni din is-sena, l-aġenzija talbet lill-kuntratturi tagħha jimplimentaw għadd ta’ miżuri biex iħarsu saħħet il-ħaddiema, lill-familji tagħhom u l-komunitajiet tal-inħawi mill-firxa tal-Covid-19. Dawn il-miżuri għadhom fis-seħħ f’kull post fejn hemm xogħlijiet ta’ Infrastructure Malta, flimkien ma’ kull direttiva oħra li tinħareġ mill-awtoritajiet tas-saħħa għall-pubbliku.

Fost prekawzjonijiet oħra, il-ħaddiema qed iżommu distanza sigura minn xulxin waqt li jkunu fis-sit, filwaqt li waqfiet għall-ikel jew għall-mistrieħ fi gruppi mhux permessi. Laqgħat f’postijiet magħluqa, bħal uffiċċji fuq is-sit, qed jiġu evitati u minflok it-timijiet tal-proġetti qed jagħmlu aktar użu minn mezzi ta’ komunikazzjoni alternattivi. Għodda u tagħmir ieħor fis-siti tax-xogħol qed jitnaddfu aktar ta’ spiss ukoll.

Filwaqt li tenniet l-impenn tagħha lejn saħħet l-impjegati, kuntratturi u persuni oħra relatati mal-ħidma tagħha, Infrastructure Malta temmet tgħid li se tkompli ssegwi s-sitwazzjoni b’konsultazzjoni kontinwa mal-awtoritajiet tas-saħħa, biex tiżgura li kull miżura addizzjonali li tista’ tkun meħtieġa tittieħed minnufih.

Share With: