Żewġt aħwa jwieġbu mhux ħatja wara tilwima ma’ erba’ uffiċjali tal-Pulizija

Il-Maġistrat Frendo Dimech tisħaq: “Ordni ta’ persuna tal-Awtorità trid tiġi obduta f’kull ħin, kull mument”

Żewġt aħwa minn Raħal Ġdid wieġbu mhix ħatja wara li tressqu il-Qorti fuq akkuża ta’ theddid u turija ta’ reżistenza kontra erba’ uffiċjali fil-Pulizija. Wieħed mill-aħwa qed jiġi akkużat ukoll li kien qiegħed isuq mingħajr liċenzja tas-sewqan.

Il-Qorti semgħet kif l-aħwa, Charles Ryan Vella ta’ 31 sena u Isaac Grech ta’ 20 sena, ipparkjaw il-vettura tagħhom viċin ATM fil-Ħamrun, b’ Vella jmur ħdejn il-bank u Grech joqgħod fil-karozza. Kien dak il-ħin li resqet vettura tal-Pulizija ħdejn l-akkużati, bil-membri tal-Pulizija jordnaw lir-raġel biex iressaq il-vettura tiegħu għaliex kienet ipparkajta f’kantuniera b’mod skorrett.

Kien hawnhekk, skont l-Avukat Difensur, li nqala’ diverbju bejn l-aħwa, u numru ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija, tant li mas-sitt membri tal-Pulizija allegatament waslu fuq il-post u kienu involuti fl-argument maż-żewġt aħwa.

Il-Maġistrat Frendo Dimech appellat lill-akkużati, kif ukoll lill-persuni kollha preżenti fil-Qorti, biex jobdu kwalunkwe regola minn persuna ta’ Awtorità. “Meta persuna jara pulizija bl-uniformi u jingħata ordni minnu, mingħajr kliem u bis-sliem, persuna għandu jobdiha. Il-Forzi tal-Ordni għandhom jiġu rispettati kull ħin: Jekk l-ordni tkun illegali, għandhom jintużaw ir-rimedji legali kollha mogħtija, però l-awtorità għandha tiġi obduta mingħajr tlaqliq.”

Il-Qorti aċċettat it-talba tal-avukat difensur li jingħata l-ħelsien mil-arrest, però ordnat li Vella, fid-dawl tal-akkużi u tal-pedina kriminali tiegħu jħallas depożitu ta’ €200, u jipprovdi garanzija personali ta’ €2,800. Isaac Grech intant kellu jipprovdi garanzija ta’ €900.

L-Ispettur Andy Rotin kien l-Uffiċjal Prosekutur, filwaqt li Ishmael Psaila kien l-Avukat Difensur għaż-żewġt aħwa.

Share With: