60% ta’ min jikkommetti suwiċidju jkun ra tabib ġimgħa qabel

Dr Mark Xuereb jappella għal aktar investiment fis-saħħa mentali u li ssir strateġija nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju

Minn Maria Azzopardi

Ir-riċerka turi li min jikkommetti suwiċidju, f’60% tal-każi, ikun ra tabib ġimgħa qabel. Hekk qal il-Psikjatra Dr Mark Xuereb li jmexxi l-Crisis Teams, fl-isfond tal-ġurnata mondjali għall-ħarsien tas-saħħa mentali, li tiġi ċċelebrata fl-10 ta’ Ottubru u li din is-sena t-tema tal-ġurnata hija li ninvestu iktar fis-saħħa mentali.

Filwaqt li Dr Xuereb qal li sar ħafna xogħol u fassalna strateġija nazzjonali għas-saħħa mentali, appella biex fuq binarju parallel f’Malta jkun hawn strateġija nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju li s’issa għad m’għandniex. Huwa qal li meta tkun implimentata din l-istrateġija, ir-rata ta’ suwiċidju u kriżijiet tonqos. Fil-fatt dan deher f’pajjiżi bħal Ġappun fejn kien hemm rata għolja ta’ suwiċidju u b’din l-istrateġija, ir-rata bdiet tinżel.

Fost l-oħrajn, l-istrateġija tagħti suġġeriment li jkun hemm leġislazzjoni li kull entità statali jkollha mental health crises worker; ikun hemm Crisis Teams; ikun hemm edukazzjoni psiko-soċjali u jkun hemm strateġiji jew għajnuna għal gruppi partikolari, bħal tfal, addoloxxenti, xjuħ, dawk fil-ħabs, li kollha huma gruppi li għandhom il-partikolaritajiet tagħhom fl-isfond tas-saħħa mentali.

“Is-soluzzjoni mhix faċli u hemm diversi inizjattivi li saru f’dawn l-aħħar 25 sena u mxejna ħafna, pero rridu nkomplu nimxu. Il-ponta tal-vjeġġa tas-saħħa mentali hija l-Crisis Teams,” qal Dr Xuereb.

“Qalli jiena mejjet u b’subgħajh ipponta lejn il-kamra mortwarja”

Dr Xuereb tkellem dwar tliet każijiet li kellu x’jaqsam magħhom tul il-karriera tiegħu u għal fini ta’ privatezza se jkunu qed jintużaw ismijiet fittizji.

Il-Psikjatra semma każ fejn David kien daħal u rah St Lukes għoxin sena ilu u kien qallu, “jiena mejjet” u b’subgħajh ipponta lejn il-kamra mortwarja. Permezz tal-għajnuna li ngħatatlu, illum il-ġurnata David huwa aħjar tant li huwa miżżewweġ u għandu t-tfal.

Għaxar snin wara ġewwa Cambridge, Dr Xuereb iltaqa’ ma xwejjaħ bl-isem ta’ William li kellu infezzjoni fil-pulmun u qallu li ma kienx qed iħossu tajjeb. It-tifel tiegħu kien jgħix ‘il bogħod mhux ħażin u meta Dr Xuereb ċempillu biex jgħidlu li missieru ma tantx kien tajjeb, kien qallu li dak il-ħin ma riedx ikellmu u li għandu x’jagħmel. B’dak li qallu wara, Dr Xuereb kien inkwieta hekk kif it-tifel qallu li m’għandux ħin u sabbatlu t-telefon. Dr Xuereb baqa’ hemm biex lil William jassistih sal-aħħar mumenti tiegħu.

It-tielet każ kien ta’ Jane li ċemplet lil Dr Xuereb li kienet muġgħuha mal-art u ma tistax tiċċaqlaq b’dahra. Il-psikjatra qal li kellha dipressjoni wkoll u ovjament kellha bżonn l-għajnuna. “Jane meta mort naraha, tajniha l-kura għal darha u għad-dipressjoni. It-tliet każijiet li semmejt kellhom l-għajnuna fi kriżi. Kellhom struttura biex ngħinuhom. Mella ejja ħalli ninvestu fis-saħħa mentali, fl-istrateġija nazzjonali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju,” qal Dr Xuereb filwaqt li żied jgħid li ma jistax ikun hemm saħħa mingħajr saħħa mentali.

“Bżonn li ninvestu aktar fis-saħħa mentali”

Dr Xuereb qal li sfortunatament qegħdin jaraw ħafna każijiet ta’ anzjetà, inċertezza u anke ta’ problemi psikoloġiċi li ma jilħqux il-kriterji għall-mard imma xorta jfixklu l-interazzjoni soċjali.

Huwa rrefera għal dak li qal id-Direttur Ġenerali tal-Għaqda Dinijija tas-Saħħa (WHO), Professur Dr Tedros Adhanom Ghebreyesus, fejn jgħid li rridu, speċjalment f’dan il-perjodu tal-pandemija, nagħtu iktar attenzjoni għas-saħħa mentali tagħna. Għal din ir-raġuni, huwa importanti illi minħabba l-Covid-19 ninvestu biex nilqgħu għall-problemi psikoloġiċi li sfortunatament se jkollna.

Id-Direttur Ġenerali tal-WHO jgħid li għamlu stħarriġ f’Ġunju fejn intervistaw id-dipartiment tas-saħħa ta’ 130 pajjiż madwar id-dinja. Dr Xuereb qal li r-riżultati ta’ dan l-istħarriġ huma inkwetanti għax kollha jgħidu li kien hemm problemi biex wieħed jagħti servizz lin-nies ta’ saħħa mentali, b’rata saħansitra ta’ 60%. “Dawk li batew l-iktar huma dawk li kienu fi kriżi, nies li kellhom ħsibijiet ta’ suwiċidju, attentat ta’ suwiċidju, ta’ drogi u alkoħol. Dawn huma kollha nies li fil-fatt kellhom problemi li kellhom bżonn l-għajnuna immedjata u ħabba l-Covid-19, iżda mhux biss, kienu iktar mhux moqdija,” qal Dr Xuereb.

Il-Psikjatra rrefera wkoll għal dak li qal id-Direttur Ġenerali tal-WHO fejn qal li bħala medja, l-baġit ta’ kull pajjiż fejn għandu x’jaqsam is-saħħa inġenerali, 2% biss huwa ddedikat għas-saħħa mentali.

“Allura hawnhekk wieħed jista’ jara l-importanza li wieħed jinvesti aktar fis-saħħa mentali u dik hija fil-fatt it-tema tal-ġurnata mondjali għall-ħarsien tas-saħħa mentali, li ninvestu iktar fis-saħħa mentali għax ma jistax ikollok saħħa mingħajr saħħa mentali soda,” qal Dr Xuereb filwaqt li qal li wieħed ma jridx jinsa li s-saħħa fiżika taffettwa s-saħħa mentali u viċi versa.

Dr Xuereb fakkar f’avveniment globali li se jsir proprju llum bl-isem ta’ ‘Big event for mental health’, li huwa webinar globali li se jixxandar fl-4.00p.m. ħin lokali li se jkun fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali kollha fejn se jiddiskutu l-modi kif wieħed jista’ jinvesti aktar fis-saħħa mentali, mhux biss fl-isfond tal-Covid-19 imma anke biex wieħed jipprovdi servizzi ta’ emerġenza għal min għandu bżonn.

Jekk inti għaddej minn xi kriżi jew għandek ħsibijiet ta’ suwiċidju jew self-harm, hawn l-għajnuna! Għamel kuntatt mal-Crisis Resolution Malta 24/7 fuq 9933 9966 jew inkella fuq il-paġna tal-Facebook tagħhom.

Share With: