AĠĠORNAT: Nirien qawwijin il-Marsa; Residenti avżati jibqgħu bit-twieqi magħluqin minħabba d-dħaħen tossiċi

Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u diversi vetturi tat-tifi tan-nar marru fiż-żona tal-Menqa kmieni dalgħodu wara nirien qawwijin li żviluppaw fl-inċineratur fil-Marsa u viċin imħażen ta’ kumpannija li tagħmel l-inbejjed.

Kolonna sewda ta’ duħħan li żviluppat kaġun tan-nirien kienet tidher minn bosta lokalitajiet.

B’xorti tajba jidher li ħadd ma ndarab f’dan l-inċident.

F’dan l-istadju għadu mhux magħruf x’wassal biex żviluppaw in-nirien, madankollu nies li kienu fuq il-post indikaw li jidher li kien skart li ħa n-nar.

Intant id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili avża lir-residenti ta’ Raħal Ġdid, il-Fgura, Ħal Tarxien u Santa Luċija biex għalissa jżommu t-twieqi tar-residenzi tagħhom magħluqin sakemm jiġu kkontrollati n-nirien li ħakmu lill-istabbiliment tal-Wasteserv fil-Marsa.

Dan minħabba li d-dħaħen huma meqjusa bħala tossiċi.

Il-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għaddejjin b’ħidma biex jitfu n-nirien filwaqt li qed jevakwaw residenti minn djar fl-inħawi.

Share With: