AĠĠORNATA: Tliet irġiel jinżammu arrestati wara sejba ta’ 23 kilogramma kannabis

L-akkużati iwieġbu mhix ħatja għall-akkużi; il-Qorti tordna l-iffiriżar tal-assi kollha tagħhom

Glen Montesin (raġel ta’ 28 sena minn Ħaż-Żabbar), Wayne Schembri (Xlukkajr ta’ 28 sena) kif ukoll Zachary Woodhead ta’ 19-il sena minn Birżebbugia, wieġbu mhix ħatja wara li inqabdu iħottu u jittrasportaw 23 kilogramma droga kannabis.

L-Ispettur Alfredo Mangion semma kif il-Pulizija kellha informazzjoni rigward ammont ta’ droga li kienet qegħda tiġi importata, u kienu ilhom isegwu lill-imsemmija akkużati għal diversi jiem. Kien fil-5 t’Ottubru li numru ta’ pulizija li kienu qegħdin isegwu lill-imsemmij persuna, osservaw skuna tas-sajd titrakka ġewwa l-port ta’ Marsaxlokk, u jħottu dak li għall-ewwel deheru bħala kaxxi tal-kartun minn fuq id-dgħajsa għal ġo vann. Wara li lestew dan, tnejn mill-persuni daħlu ġewwa l-vann, u t-tielet raġel daħlet ġo karozza viċin.

Kien hawnhekk fejn il-Pulizija mxiet biex tarresta lit-tlett persuni. Huwa u jiftħu l-imsemmija kaxxi tal-kartun, il-Puliżija sabu ammont ta’ pakketti kbar, li wara rriżulta li kienu jikkontjenu fihom droga tat-tip kannabis.

It-tliet irġiel tressqu separatament, kemm minħabba n-natura tal-akkużi, kif ukoll biex il-Qorti tkun tista timxi mal-protokolli tas-saħħa pubblika relatat mal-Covid-19. Madanakollu, fit-tliet każijiet, il-Qorti laqgħet it-talba tal-Uffiċjali Prosekuturi li tinħareġ ordni ta’ ffriżar fuq l-assi kollha tal-imputati.

L-avukati difensuri għal Montesin għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, hekk kif saħqu li xejn milli ntqal mill-uffiċjal tal-pulizija ma kien jindika li l-liberta tal-akkużat kellha tiġi sottomessa għal xi jedd relatat max-xhieda tal-każ. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat, hekk kif saħqet li għad hemm numru ta’ xhieda lil għad iridu jixhdu fl-imsemmi każ. Il-Qorti, wara li kkunsidrat s-sottomissjonijiet, kif ukoll meta ħadet konjizzjoni tan-natura gravi tal-akkużi, ċaħdet it-talba tal-avukat.

Intant, l-avukati difensuri ta’ Schembri talbu lill-Qorti biex jiġu ppreservati l-call logs li kien hemm bejn l-avukat tal-akkużat u membri tal-Korp tal-Pulizija fil-ġurnata wara li ġie arrestat. Il-Qorti aċċettat din it-talba, u innominat espert tal-Qorti biex jippriserva kwalunkwe recordings li setgħu jsiru. Kien hawnhekk li spikka battibekk bejn l-Uffiċjal Prosekutur u l-Avukati tad-difiża, hekk kif l-Ispettur tal-Pulizija saħaq li “kwalunkwe allegazzjoni li nkiser xi dritt fundamentali tal-akkużat fil-ħin tal-arrest hija gidba.”

Il-każ mistenni jinstema fil-jiem li ġejjin. Il-Maġistrat Gabriella Vella ppresediet il-każ, filwaqt li l-Ispettur  Alfredo Mangion mexxa l-prosekuzzjoni.

L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia deheru għal Montesin; l-avukati Mario Mifsud, Matthew Xuereb u Alex Scerri Herrera deheru għall-Schembri, filwaqt li l-avukata Veronica Ann Spiteri dehret għal Woodhead.

Aktar kmieni: Fil-ħin li ġej il-Pulizija se tkun qed tressaq il-Qorti lit-tliet irġiel li ġew arrestati b’rabta mas-sejba ta’ 23 kilogramma ħaxixa tal-kannabis.

L-irġiel ġew arrestati ftit wara nofsillejl wara diversi jiem ta’ osservazzjoni mill-Pulizija.

It-tlett irġiel – wieħed ta’ 19-il sena residenti Birżebbuġa u t-tnejn l-oħra ta’ 28 sena residenti Marsaxlokk – kienu qegħdin jiġu osservati jniżżlu kaxxi tal-kartun minn fuq skuna tas-sajd li kienet għadha kemm sorġiet max-xatt ta’ Marsaxlokk.

Wara li l-Pulizija komplew josservawhom ipoġġu l-kaxxi ġo vann, ftit wara l-vann instaq minn fuq il-post u l-Pulizija ċċirkondawh mill-ewwel u waqqfuhom. Il-Pulizija kkonfermaw l-investigazzjonijiet li ilhom għaddejjin għal diversi ġranet li fil-kaxxi kien hemm id-droga Kannabis. Irriżulta li b’kollox kien hemm 23 kilogramma kannabis.

Intant l-irġiel se jkunu qed jitressqu l-Qorti għall-ħabta tas-1.00 p.m., quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella.

Huma se jkunu qed jiġu akkużati fuq pussess ta’ droga, fost oħrajn. 

Share With: