Alexis Sanchez barra mill-azzjoni għal Inter

Inter se jkollhom jgħaddu mingħajr l-attakkant Ċilen Alexis Sanchez għal-logħbiet li jmisshom hekk kif dan tal-aħħar qed isofri minn uġigħ fl-għaksa.

Il-player ta’ 31 sena kellu jiġi mibdul minn Lautaro Martinez waqt id-draw ta’ 2-2 li n-Nerazzurri kellhom kontra Borussia Monchengladbach jumejn ilu.

Dan in-nuqqas huwa ta’ uġigħ ta’ ras għall-coach ta’ Inter Antonio Conte li diġa’ rċieva l-aħbar li l-aħħar akkwist tagħhom Achraf Hakimi nstab pożittiv għall-COVID-19. Dan il-player flimkien ma’ Stefano Sensi mhux se jkunu qed jagħmluha għall-vjaġġ lejn Liguria fejn Inter jilagħbu barra minn darhom kontra Genoa fi tmiem din il-ġimgħa.

Sadanittant Sanchez kien diġá kellu xi uġigħ muskolari mir-ritorn tiegħu mill-Amerika t’Isfel wara l-impenji li kellu mat-tim nazzjonali Ċilen. Huwa ħass uġigħ fl-għaksa tal-lemin u se jitlef ukoll it-tieni logħba mill-fażi tal-gruppi tal-UEFA Champions League kontra Shakthar Donetsk.

Share With: