Alfred Sant jivvota kontra l-istrateġija l-ġdida tal-CAP u jwissi kontra l-qerda tas-settur agrikolu Malti

L-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant ivvota kontra l-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni tal-UE u qal li dan ma kienx adattat għas-settur agrikolu ta’ Malta.

Fi spjegazzjoni tal-vot tiegħu lis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew, Alfred Sant qal li deroga li tippermetti l-allokazzjoni sa €3 miljun fis-sena ta’ appoġġ lill-bdiewa Maltin baqgħet nieqsa mill-pjan strateġiku.

Mingħajr din id-deroga, il-bdiewa Maltin ser ikollhom nuqqas enormi ta’ appoġġ essenzjali li jista’ jfisser il-kollass tas-settur. Fid-dawl ta’ dan, Sant ivvota kontra kemm il-proposta tal-Kummissjoni kif ukoll ir-rapport plenarju finali tal-PE dwar il-Pjan Strateġiku tal-PAK.

Alfred Sant kien ipprova jinkludi d-deroga permezz ta’ emenda fl-Opinjoni tal-Baġit u permezz ta’rappreżentazzjonijiet man-negozjaturi tal-Parlament Ewropew iżda l-proposta ma ġietx aċċettata.

Il-Kummissjoni Ewropea l-ewwel ħarġet il-proposta tagħha għal riforma tal-PAK f’Mejju 2018, wara konsultazzjoni pubblika li rriżultat fil-Komunikazzjoni “Il-Futur tal-Ikel u l-Biedja”, ippubblikata f’Novembru 2017.

Alfred Sant qal li l-Politika Agrikola Komuni tal-UE tibqa’ llum għodda rilevanti ħafna u meħtieġa għall-bdiewa Ewropej iżda nnota li, mill-2003, terz tal-irziezet tal-UE għalqu.

Fl-ispjegazzjoni tal-vot tiegħu, huwa nnota li kien essenzjali li l-PAK tiġi adattata għall-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi attwali tal-istati membri kollha u adattament bħal dan irid jinkludi ir-realtajiet differenti fl-UE.

Alfred Sant innota li, sfortunatament, kemm il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni dwar il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, kif ukoll id-dokument tal-PE li jemendaha, jonqsu milli jagħmlu dan u żied li fuq medda twila ta’ żmien, is-sħubija fl-UE rriżultat fil-qerda tas-settur agrikolu Malti.

L-interventi tal-PAK f’Malta għandhom ikunu mfassla b’tali mod li jirranġaw il-ħsara inkella ma jkunux jagħmlu sens.

Share With: