Anzjan jispiċċa l-Qorti wara li ġibed l-attenzjoni dwar kelb jinbaħ

Raġel ta’ 67 sena miż-Żurrieq tressaq b’arrest il-Qorti wara argument li nqala’ mal-ġar tiegħu minħabba kelb li dan tal-aħħar kien qed iżomm fuq il-bejt tiegħu u li kien il-ħin kollu jinbaħ.

L-anzjan kien mixli b’tentattiv ta’ ferita gravi fuq il-ġar tiegħu, talli kkommetta ferita ta’ natura ħafifa fuq l-istess ġar tiegħu, talli żamm strument li jaqta’ u bil-ponta mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija, u kif ukoll talli kiser il-bonordni u l-paċi pubblika.

Id-Difiża argumentat li dan kien każ li mill-provi għad irid joħroġ li dak li huwa deskritt bħala l-aggressur kien fil-fatt il-vittma u dan għax l-imputat li ġie deskritt mill-avukat bhala ċittadin anzjan mudell, ġibed l-attenzjoni tal-vittma għax kien qiegħed iżomm kelb fuq il-bejt tiegħu u kien iqatta’ ġurnata sħiħa jibki u jingħi. L-imputat talab lil sid il-kelb biex joħroġ il-kelb u jittrattah sew, u kien hawnhekk fejn allegatament beda l-argument fejn saħansitra l-vittma flimkien ma’ persuna oħra sawtu lill-anzjan li ddefenda ruħu b’sikkina. 

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Doriette Cuschieri oġġezzjonat li l-anzjan jingħata l-ħelsien mill-arrest għar-raġuni ta’ periklu ta’ intralċ tal-provi minħabba li kien hemm xhieda pajżana li riedu jixhdu, partikolarment il-vittma li huwa wkoll il-ġar tal-imputat.

Id-Difiża, permezz tal-Avukat Herman Mula, filwaqt li kkwotat sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-drittijiet tal-bniedem spjegat li biex l-imputat jinżamm arrestat kellha tinġieb il-prova li l-anzjan seta’ b’xi mod jew għall-inqas ikun hemm suspett raġonevoli li seta’ javviżina lix-xhieda u jinfluwenzahom fix-xhieda tagħhom.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat tal-Għassa MarseAnne Farrugia laqgħet it-talba tad-Difiża għal ħelsien mill-arrest fejn fost kundizzjonijiet oħra ordnat lill-imputat biex ma jersaqx lejn il-vittma permezz ta’ ordni ta’ protezzjoni u kif ukoll it-tifla tal-imputat aċċettat li toqgħod bħala terz garanti b’garanzija ta’ €10,000 fil-każ li jinkisru l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest mill-imputat.

Share With: