Anzjani b’żieda ta’ €618 fis-sena; Familja ta’ ħaddiema b’€748 fis-sena

Minn Victor Vella

Bil-miżuri u benefiċċji soċjali imħabbri fil-budget li ġiet ppreżentat nhar it-Tnejn, minn analiżi li saret għal IT-TORĊA jirriżulta li koppja anzjana ta’ aktar minn 75 sena se jkunu qed jieħdu  żieda ta’ €618 f’sena, pensjonant li għalaq tmenin sena se jara żieda ta’ €410 fis-sena, waqt li koppja miżżewġa bil-paga minima se jara żieda ta’ €568 fis-sena.  Koppja miżżewġa b’żewġt itfal se jieħdu żieda ta’ €748 fis-sena.  Koppja li qed tagħmel fostering se tara żieda ta’ €1,174 fis-sena.

Leli u Giovanna, koppja li għandhom iktar minn 75 sena

Din il-koppja anzjana jgħixu f’darhom bil-pensjoni minima ta’ Leli waqt li Giovanna kienet ħallset 6 snin bolol u ma tieħux pensjoni.

Minbarra żieda ta’ €5 fil-ġimgħa fil-pensjoni, huma ser jibbenifikaw minn titjib fl-Għajnuna Supplimentari ta’ €108 fis-sena, żieda ta’ €50 fis-sena fil-bonus li tirċievi Giovanna fuq is-6 snin bolol li ħallset u ser jirċievu €200 vawċers.

Mill-ġdid ukoll ser ikunu ntitolati għall–għotja ta’ €300 kull wieħed għll-anzjani u ser jibqghu intitolati għall-Benefiċċju tal-Enerġija, il-Karta Roża u trasport pubbliku b’xejn.   B’kollox ser jieħdu żieda ta’ €618 fis-sena jew kważi €12 fil-ġimgħa.

Ġanni, pensjonant li s-sena d-dieħla se jagħlaq 80 sena

Ganni kien daħal jaħdem mal-Gvern wara xi żmien ingaġġat f’korp tax-xogħol qabel l-1979.  Flimkien maż-żieda ta’ €5 fil-ġimgħa fil-pensjoni, se jieħu żieda ta’ €50 fl-għotja ta’ l-anzjani għax se jagħlaq 80 sena u din se titla’ għal €350. Huwa se jirċievi ukoll €100 vawċers.

Matul is-sena d-dieħla ser jerġa jibbenefika mill-ħlas ta’ kumpens bi tpattija għall-anomaliji tal-imgħoddi.  B’kollox id-dħul tiegħu ser jiżdied b’ €410 fis-sena jew kważi €8 fil-ġimgħa, minbarra l-għotja tal-korpi.

Marija anzjana miżżewġa ta’ 64 sena bla pensjoni

Marija hija anzjana li kienet il-kbira f’familja ta’ ħamest itfal, li meta għalqet l-14-il sena ħtiegilha toħroġ taħdem biex tkun tista’ tgħin lill-familja.  B’kollox ħadmet 12-il sena sakemm waqfet mix-xogħol mat-twelid ta’ l-ewwel mit-tlett ulied tagħha.  Iżda, meta waslet biex tirtira ma kkwalifikatx għall-pensjoni għax parti mill-bolol tagħha kienu mħallsin qabel l-eta’ ta’ 19-il sena u dawn ma jgħoddux għall-pensjoni.  Minflok hija bdiet tibbenefika mill-bonus li jitħallas lil min ikun ħallas xi bolol iżda ma jkollux pensjoni.

Bis-saħħa tal-miżura tal-baġit li tirrikonoxxi l-bolol mħallsa qabel l-eta’ ta’ 19-il sena minn persuni mwielda qabel l-1962,  minn Jannar li ġej Marija ser tkun ntitolata għal pensjoni minima ta’ madwar €47 fil-ġimgħa minbarra l-bonus. B’hekk   minflok il-bonus ta’ €350 fis-sena hija ser ikollha dħul mill-pensjoni ta’ €3,118 fis-sena bil-bonus statutorji b’kollox.  Hija wkoll se tirċievi l-€100 vawċers.

Peter u Glorianne, koppja bil-paga minima u għandhom żewġt itfal taħt is-16-il sena. 

Minħabba li din il-koppja jaħdmu it-tnejn u huma bil-paga minima, huma jieħdu l-In-Work Benefit bir-rata massima li meta tgħodd kollox flimkien mac-Children Allowance fuq żewġt itfal jammontaw għal €3,700 fis-sena.

Fl-2021, barra ż-żieda għall-għoli tal-ħajja ta’ €91 u tax refund ta’ €23 kull wieħed għal Peter u Glorianne , uliedhom ser igawdu mit-titjib fl-Allowance tat-Tfal permezz ta’ l-introduzzjoni tas-suppliment għat-tfal ta’ €70 għal kull wild minbarra li din il-koppja se jirċievu €200 vawċers.

Din il-koppja għalhekk se jaraw id-dħul tagħhom jiżdied b’€568 fis-sena jew kważi €11 fil-ġimgħa.

Jonathan u Vanessa, koppja impjegati b’żewġt itfal taħt is-16-il sena. 

Jonathan u Vanessa, huma koppja mpjegati li bejniethom jaqilgħu €30,000 fis-sena u għandhom żewġt itfal taħt is-16-il sena. 

Minn Jannar li ġej, minbarra li se jieħdu ż-żieda tal-għoli tal-ħajja ta’ €91 fis-sena u €23 tax refund kull wieħed, ser jieħdu s-suppliment tat-tfal ta’ €50 għal kull wild u In-Work Benefit ta’ €110 fis-sena għal kull wild.  Għalhekk is-sena d-dieħla bejn Children Allowance u In-Work Benefit se jieħdu €1,220 fuq iż-żewġt itfal tagħhom.

Din il-koppja se tieħu ukoll €200 vawċers biex b’hekk meta tgħodd kollox se tara d-dħul tagħha jiżdied b’€748 fis-sena jew ‘il fuq minn €14 fil-ġimgħa. 

George u Hanna, koppja miżżewġa b’żewġt itfal waqt li qed jiffosterjaw tifel ieħor.

George jaħdem u jaqla’ madwar €23,000 fis-sena iżda Hanna ma taħdimx għax tixtieq li jkollha l-ħin kollu meħtieg biex tlaħħaq aħjar mad-dar u mat-trobbija tat-tfal.

Din il-familja se jieħdu żieda ta’ €91 fis-sena għall-għoli tal-ħajja u €23 oħra żieda fit-tax refund waqt li bħala familja se jirċievu €140 aktar fis-sena bl-introduzzjoni tas-suppliment mal-Allowance tat-Tfal u €200 permezz tat-titjib fl-iskema tal-In-Work Benefit.  Barra minn hekk se jieħdu ukoll €200 vawċers.

Barra minn hekk, bis-saħħa taż-żieda fil-Foster Care Allowance, mis-sena l-ġdida l-koppja ser jieħdu żieda ta’ €520 għat-tifel li qed jiffosterjaw.

B’kollox id-dħul tal-familja allura se jiżdied b’madwar €1,174 fis-sena jew €22.50 fil-ġimgħa.

Mary u Karmenu, żewġt aħwa jgħixu flimkien

Mary u Karmenu huma żewġt aħwa jgħixu flimkien.  Karmenu kien jaħdem u jieħu l-pensjoni waqt li Mary qatt ma ħadmet għax kienet tieħu ħsieb lill-ġenituri tagħha. Huha Karmenu illum sar invalidu iżda Rita għażlet li tieħu ħsiebu hi minflok iddaħħlu f’xi dar tal-anzjani.  Minkejja dan, hija ma tikkwalifikax għall-Assistenza Miżjuda għal Carers għaliex diġa għalqet l-eta’ tal-irtirar.

Bis-saħħa tal-Baġit 2021, waqt li Karmenu se jieħu ż-żieda fil-pensjoni ta’ €5 fil-ġimgħa, Mary se tkun intitolata għall-ewwel darba għall-Assistenza Miżjuda għal Carers li tammonta għal kważi €150 fil-ġimgħa.  Huma se jieħdu ukoll €200 vawċers.

Share With: