Appoġġ qawwi għar-rapport tal-MPE Alex Agius Saliba fil-Parlament Ewropew

Wara dibattitu li dam kważi sagħtejn il-ġurnata ta’ qabel, nhar it-Tlieta 20 ta’ Ottubru il-Parlament Ewropew ivvota b’maġġoranza kbira ħafna ta’ 83% favur ir-Rapport dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali tal-MPE Laburista Alex Agius Saliba.

Ir-rapport tal-MPE Malti jħaddan il-prinċipju li “dak li huwa illegali offline huwa wkoll illegali onlajn u jappella għal regoli li huma validi għall-futur dwar is-servizzi diġitali, inklużi pjattaformi u swieq onlajn, u għal mekkaniżmu li jorbot biex jiġi indirizzat il-kontenut illegali onlajn.

“M’għandux ikun hemm aktar permessi biex pjattaformi onlajn jagħmlu li jridu. L-Unjoni Ewropea għandha tistabbilixxi standards globali li jirregolaw pjattaformi bħal Facebook, Amazon, u Google”, jgħid il-MPE Alex Agius Saliba. “Jekk m’intix tħallas għall-prodott, allura inti stess il-prodott. Is-servizzi diġitali għandhom jinbnew fuq il-fiduċja, l-għażla, u livell għoli ta’ protezzjoni, li jintegraw bis-sħiħ it-tħassib tal-utenti, tal-konsumaturi u tal-SMEs.”

“It-trasformazzjoni diġitali biddlet b’mod profond il-funzjonament tal-ekonomija u s-soċjetà globali, u dawk il-bidliet jeħtieġu aġġornament biex tittejjeb is-sitwazzjoni f’diversi oqsma. Ir-regoli attwali tal-UE baqgħu fil-biċċa l-kbira tagħhom l-istess minn meta ġiet adottata d-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku għoxrin sena ilu, u s-Servizzi Diġitali se jkunu dan l-ewwel aġġornament għall-qafas legali eżistenti,” qal il-MPE Alex Agius Saliba.

Regoli speċifiċi għal pjattaformi kbar, ambitu li jkopri fornituri ta’ servizzi barranin, protezzjoni għolja tal-konsumatur kontra prodotti illegali, foloz, perikolużi u kundizzjonijiet aktar stretti għal reklamar immirat, u aktar kontroll għall-utenti fuq dak li jaraw onlajn huma messaġġi ewlenin fir-rapport tal-MPE Malti.

“B’dan ir-rapport, għandna l-għan li niffurmaw l-ekonomija diġitali u nistabbilixxu standards għall-bqija tad-dinja. Il-pjattaformi onlajn saru l-utilitajiet il-ġodda ta’ żmienna. M’għandhomx ikunu huma li jiddeċiedu x’nistgħu ngħidu u naqraw onlajn. Is-sorveljanza, is-segwitu u l-kontroll permanenti tal-internet u ta’ ħajjitna għandhom jieqfu. Wasal iż-żmien li nikkontrollaw u nissalvagwardjaw l-interessi pubbliċi, id-drittijiet fundamentali, u nipproteġu lill-utenti u lill-konsumaturi,” qal il-MPE Agius Saliba ftit wara l-vot.

Share With: