ARA: “Irridu ngħinu kemm jista’ jkun nies”

Miktub minn CARMEN CACHIA, Filmat: ALAN SALIBA

Il-MCCFF bi skema ġdida tal-“Employee Contribution Scheme”… Intervista ma’ Marlene Mizzi, Chairperson tal-Bord Amministrattiv

Il-ħajja taf tinbidel mil-lum għal għada għal kulħadd, b’ċirkostanzi mhux mistennija li sakemm ma jmissux lilna personalment, qatt ma nistgħu nifhmu sew u nħossu verament dak li jgħaddi minnu l-batut, il-marid, il-vulnerabbli u l-fqir. Li l-ħajja tidħaklek, saħtek tagħtik u li l-ġurnata tibda, tkompli u tispiċċa “normali” huwa rigal kbir li ftit japprezzawh sakemm jitilfuh. Madwarna hemm persuni miġugħa u inkwetati li għandhom bżonnijiet kbar minħabba problemi serji ta’ saħħa jew ċirkostanzi soċjali diffiċli mmens. F’pajjiżna għandna organizzazzjoni li tgħin lil kull min jaqa’ taħt il-kappa ta’ vulnerabbli – il-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF) – fondazzjoni li taqa’ taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta.  L-ORIZZONT iltaqa’ mac-Chairperson tal-Bord Amministrattiv tagħha, Marlene Mizzi, li qasmet magħna l-isfidi li għandhom biex jiġbru biżżejjed flus għal kull min huwa fil-bżonn u ħabbret skema ġdida, intelliġenti u prattika, biex jinġabru fondi konsistenti – l-“Employee Contribution Scheme”, li tagħmel parti mill-kampanja ‘Help Us Help Others’. 

Bi bżonnijiet finanzjarji ta’ aktar minn €13-il miljun fis-sena, il-Malta Community Chest Fund Foundation din is-sena kellha sfidi kbar minħabba l-pandemija tal-Covid-19 u dan l-aktar minħabba li ħafna mill-attivitajiet li s-soltu jsiru għall-ġbir ta’ fondi, kellhom jitħassru. Marlene Mizzi, li issa ilha ftit aktar minn sena f’din il-kariga fuq bażi volontarja, għandha x-xewqa li bħala organizzazzjoni jgħinu kemm jista’ jkun nies. 

“Il-missjoni tal-MCCFF hija li ngħinu kemm jistgħa jkun lil kull min jirrikorri lejna, meta iċ-ċirkostanzi jpoġġuh ġo faxxa  vulnerabbli fis-soċjetà. Is-settur tas-saħħa qegħdin inwieżnuh aktar minn oħrajn għax apparti li nħallsu trattamenti li jiswew ħafna flus, fejn ġieli pazjent wieħed jiswina €145,000 f’sena, inħallsu wkoll għal dawk li għandhom bżonn trattament barra minn Malta,  kif ukoll għall-genituri ta’ pazjenti żgħar li jkollhom bżonn omm u/jew l-missier li jmur magħhom. Ngħinu wkoll familji li m’għadhomx mezzi bies jgħixu b’mod dinjituż. Minħabba li din is-sena l-edukazzjoni qalbet diġitali, bħala Fondazzjoni għenna wkoll studenti fil-bżonn fejn jidħlu kompjuters,” bdiet tispjega Mizzi. 

Spektrum kbir ta’ nies vulnerabbli

Marlene Mizzi, wara li spiccat minn Membru tal-Parlament Ewropew laqgħet b’entużjazmu l-istedina tal-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tiegħu George Vella, biex tmexxi l-Bord Amministrattiv tal-MCCFF. “ Dejjem kelli rispett kbir għal Dr George Vella bħala politku serju, kapaċi u  ta‘ integrità assoluta  u għalhekk ma stajtx ngħidlu le,“ Marlene għandha wkoll in-negozju tagħha u  hija wkoll membru tal-korp diplomatiku bħala ambaxxatriċi.

Mizzi temmen fil-governanza korretta. Hija tisħaq li t-tliet pilastri tagħha biex tmexxi dan il-Bord ta’ Amministrazzjoni huma l-akkontabbiltà, it-trasparenza u l-ġustizzja. 

Ix-xogħol fil-MCCFF huwa missjoni kruċjali għal ħafna persuni li jkunu f’sitwazzjoni iebsa fil-ħajja, kemm jekk hija problema ta’ saħħa, kif ukoll dik finanzjarja għal dawk li jiffaċċjaw diffikultajiet soċjali. F’limbu mudlam, il-MCCFF tagħti xaqq ta’ dawl u tama b’għajnuna li dak li jkun, għal xi raġuni jew oħra, ma jkunx jiflaħ għaliha. Id-differenza bejn l-MCCFF u organizzazzjonijiet oħra, li jagħmlu wkoll ħafna ġid, hija dik li l-MCCFF imorru għandhom spektrum kbir ta’ nies vulnerabbli li jibdew minn bżonnijiet bażiċi u jibqgħu sejrin sa trattamenti u mediċini  speċjalizzati ta’ kanċer. 

Kull qatra tgħodd b’mod speċjali fi ġbir ta’ fondi. L-ispejjeż għall-bżonnijiet li jingħataw lill-persuni fil-komunità tagħna mil-MCCFF, huma ta’ €1.2 miljun fix-xahar li jkopru għajnuna medika; safar għal trattamenti , inklużi tal-ġenituri f’każ ta’ tfal morda; għajnuna soċjali b’vawċers għall-ikel u servizzi oħra essenzjali; kif ukoll għal apparat u sostenn ieħor lill-persuni b’diżabbiltà. Marlene qalet ukoll  li l-MCCFF anke tghin biex  tħallas għal parrokki tax-xagħar veru, li jiswew ħafna flus, speċjalment għal  nisa li jitilfu xagħarhom minħabba l-kimoterapija.

Mizzi qalet lil dan il-ġurnal li l-mediċini għal ċerti trattamenti, b’mod speċjali tal-kanċer li mhumiex fil-formolatorju tal-Gvern, jiswew l-eluf ta’ ewro u għalhekk il-pazjenti jkollhom jixtruhom. F’ċerti sitwazzjonijiet bejn ħajja u mewt, Mizzi tgħidilna li  kieku m’mhemmx l-MCCFF  bniedem milqut b’marda serja  ma jkollux triq oħra hlief li jbigħ ħwejġu biex jixtri l-mediċina preskritta, biex almenu jtaffi l-marda jew itawwal ftit żmien mal-għeżież tiegħu.

Il-MCCFF tipprova tgħin lil kull min huwa marid skont kriterji  u li għalihom hemm unit apposta li jara l-applikazzjonijiet li jidħlulhom. “ L-init tas-saħħa nippruvaw naċċettaw kemm nistgħu, però kull applikazzjoni trid tgħaddi minn vetting rigoruż u means test bħala parti mill-proċess. Iżda  minħabba n-natura urġenti tal-każijiet, dawn ma jdumux biex isiru,” kompliet din iċ-Chairperson. 

Mistoqsija jekk qatt kellhomx każi li tilfu xi pazjent li applika, Mizzi qaltilna li sfortunatament kellhom każ ftit ilu ta’ persuna li kien għadu żgħir. Il-Fondazzjoni kienet approvat l-applikazzjoni tiegħu imma sakemm waslet il-mediċina minn barra, li swiet mat-€80,000, dan il-pazjent qaleb għal ghar f’daqqa u laħaq miet. “Dik għalina hija waħda mill-agħar weġgħat. Tibqa’ f’moħħok b’mod speċjali l-età, għax miet hekk żgħir. Din hija ħasra avolja bil-mediċini ma kienx se jfieq, imma kien imqar itawwal ftit ħajtu. Mhux faċli li nagħmlu dan ix-xogħol għax huwa xogħol ta’ qsim ta’ qalb,” stqarret Mizzi.

Hemm ukoll Unit  Socjali  li jara  applikazzjonijiet ta’ problemi socjali u  li huma ħafna u varji.  

Iżda x-xogħol mill-MCCFF iħalli ħafna suċċessi. “Il-maġġoranza tan-nies lil ngħinu huma adulti. It-tfal forsi huma aktar reżiljenti għall-kanċer għax iżgħar, u kellna hafna stejjer ta’ success – kemm ta’  kbar u kemm ta’ tfal.  Li tibgħat barra lil xi ħadd u jagħmel hemm żmien twil jistenna għal xi donazzjoni ta’ organu u jiġi hawn imfejjaq, jew inkella pazjenti ohra, isirilhom intervent u jsalvawlhom ħajjithom, għalina dawn huma affarijiet li jtellgħuna s-sema,” qalet bi tbissima ċ-Chairperson ta’ dan il-Bord Amministrattiv.

Il-ħidma li għandha fil-Fondazzjoni hija minnha nnifsha impenjattiva ħafna, pjuttost aktar impenjattiva milli mmaġinat, iżda Marlene tant għandha għal qalbha li tgħin lill-vulnerabbli tagħna, li ma tieqafx u ma tiddejjaqx li hija tagħti ħafna ħin lil MCCFF. “Inħoss li dan il-pajjiż tagħni ħafna u għalhekk  b’sodisfazzjon  nagħti jien xi ħaġa  lura,” qalet Marlene. Imbagħad, fil-ftit ħin liberu tagħha tħobb tkun fil-kumpanija tal-għeżież neputijiet  Max u Ana, li anke kif issemmihom, taralha d-dmugħ ta’ ferħ u mħabba kbira f’għajnejha… imħabbba li ħafna nanniet jafu x’jiġifieri.

“Nitolbu l-ftit mingħand il-ħafna”

Minħabba li l-ispejjeż huma kbar, il-Gvern jgħin lill-MCCFF fil-mediċini meta jkun hemm nuqqas ta’ fondi meħtieġa għall-applikazzjonijiet approvati. “Din is-sena, 2020, kienet tal-biżgħa. Dan għal diversi raġunijiet, imma b’mod speċjali għax ma kellniex minn fejn niġbru l-flus minħabba l-Covid-19 wara li ċerti attivitajiet importanti ma sarux. Kienet anke din il-ħtieġa ta’ fondi li welldet l-idea tal-“Employee Contribution Scheme” fejn meta rajna s-sitwazzjoni, bdejna nippruvaw naraw x’se nagħmlu. Għax, x’se ngħidulhom lin-nies? Li m’għandniex flus biex nixtrulhom il-mediċini? Biex intuhom il- vouchers ?  Din l-iskema kienet waħda mill-ideat li ġietna f’dan il-perjodu difffiċli u limitat tal-pandemija,” sostniet Mizzi.

L-“Employee Contribution Scheme” tnediet f’Settembru li għadda mal-korpi kostitwiti u mal-unjins. Fil-ġimgħat li ġejjin mistennija tibda kampanja ta’ riklamar wisgħa li tinkludi banners fit-toroq, kif ukoll posters fil-ħwienet u fil-postijiet tax-xogħol, biex b’hekk ikun hemm aktar tagħrif fuq din l-inizjattiva. 

“Irrid ngħid li kellna ħafna sostenn mill-General Workers’ Union li dejjem tat l-appoġġ tagħha lill-MCCFF u bħala unjin b’saħħitha dejjem jistgħu jħajru lill-impjegati u l-membri tagħhom f’inizjattiva bħal din. Kellna inkorraġġiment minn unjins oħra imma, ovvjament, il-GWU hija l-akbar unjin li għandna f’Malta u allura l-effett huwa kbir. Għanda wkoll sostenn minn numru ta’ kumpaniji li diġà daħlu fl-iskema,” qalet sodisfatta Mizzi.

Din l-inizjattiva tinvolvi l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema lokali li, fuq bażi volontarja, joffru donazzjoni żgħira lill-MCCFF li ta’ kull xahar titttieħed direttament mis-salarju tagħhom. L-ammont li jiġi mogħti huwa fid-diskrezzjoni tal-impjegat u l-ammonti kollha, huma kemm huma, qalet Mizzi, “huma tassew apprezzati”. 

Hija qalet li permezz ta’ din l-iskema ġdida, MCCFF qiegħda titlob ftit mingħand il-ħafna. Il-flus li impjegat se jagħti mis-salarju tiegħu tant huwa minimu, li  zgur mhux se jħoss id-differenza, iżda se jagħmel differenza kbira lill-persuni li jgħin. “Din il-kampanja se tibqa’ għaddejja allura lilna tagħtina cash flow kontinwu. Dan għalina huwa importanti ħafna għax ġieli jidħlu flus f’daqqa , iżda joħorġu f’daqqa wkoll.  B’dan il-mod, ikollna vina għaddejja għax il-flus jidħlu s-sena kollha,” spjegat Mizzi.

Id-differenza pożittiva li l-“Employee Contribution Scheme’ se tagħmel għall-vulnerabbli, fosthom pazjenti bil-kanċer, hija kbira u imprezzabbli. Għalhekk, hija ħeġġet biex dawk l-impjegati kollha li jixtiequ jgħinu għal kawża ġusta, biex jissieħbu f’din l-iskema. 

Il-pjani tal-futur għall-MCCFF huma li jgħinu kemm jista’ jkun nies. “Importanti li wieħed jifhem li din il-Fondazzjoni m’hiex bir bla qiegħ u li tiddependi mill-ġenerożità enormi tal-poplu Malti. L-iskop tagħna huwa li ndaħħlu kemm nistgħu, biex nghinu kemm nistgħu,” qalet Mizzi. 

Hija  semmiet ukoll il Kitchen Garden, il- café/restaurant li  hu parti mill kumpless tal Palazz ta’ San Anton u li d-dħul kollu tal-Kitchen Garden ukoll imur kollu fil-karus ta’ għajnuna tal-Community Chest Fund. Rigward dan, Marlene Mizzi tagħtna ħjiel li għall-Kitchen Garden u l-grounds ta’ madwaru hemm pjanijiet interessanti  ħafna fejn kulma qaltilna huwa li,“kwalunkwe ħaġa li se jkun fihom, se tkun ta’ eżempju ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet u jkun għas servizz tal-komunità. 

Share With: