Ġann Patist

ARA: “Sibtha diffiċli din is-sena. Ma sar xejn. Dan il-virus qaleb kollox ta’ taħt fuq” …. L-istorja ta’ Ġann Patist (2)

Miktub minn VICTOR VELLA, Filmat: ALAN SALIBA

Tkompli minn …

ARA: 64 sena jerfa’ l-istandardi tal-baned … Minn ma’ Borg Olivier għal ma’ Mintoff (1)

Il-ħajja ta’ Ġann Patist Camilleri, hi imżewwqa sew. Ħajja li fi kliemu stess meta jħares lura ma jibdel xejn minnha. Dak li għamel għamlu dejjem mill-qalb u għax ikun irid jgħin. Jieqaf għal mument mill-intervista biex joħroġ għadd kbir ta’ ritratti antiki. Beda jispjegaħhomlna wieħed wieħed. 

Iż-żgħir fost sebat aħwa 

Ġann Patist ma naqasx li jitkellem magħna dwar il-familja tiegħu. Jgħidilna li hu ż-żgħir fost sebat aħwa. Tlieta minn ħutu huma sorijiet. Waħda minnhom għexet għal żmien f’Iżrael sakemm mietet b’diżgrazzja. 

“Kont iltqajt ma’ Pauline Gauci u żżewwiġtha nhar il-25 ta’ Ġunju 1967. Paul- ine, li kienet Pawlina, kienet toqgħod il-Buskett u wara morna noqogħdu hemm fl-inħawi Ta’ Sabbat.” 

Jirrakkonta kif f’Ħad-Dingli kien iltaqa’ ma’ xi kollegi tiegħu meta kien suldat il-Ġermanja. Ma damx ma sar membru tad-Dingli Club u membru anke fil-klabb tal-futbol. Fis-sebgħijnijiet dħalt fil-kumitat ta’ dak li kien jissejjaħ id-Dingli Club. Kont direttur u l-każin kien iżomm attivitajiet soċjali kif ukoll xi festini privati. Aktar tard kont anke segretarju tal-klabb”, jirrakkonta Ġann Patist. 

Titwieled il-banda ta’ Ħad-Dingli 

Kien proprju meta kien segretarju ta’ Dingli Club, li wieħed jista’ jgħid li twieldet il-Banda Santa Marija ta’ Ħad-Dingli. Fl-arkivji kien sab dokument li kien imur lura għas-sena 1928. Dan kien isemmi li f’Ħad-Dingli kien hemm banda. Dan was- sal biex fih nibtet ix-xewqa li jressaq għad-diskussjoni quddiem il-kumitat il-possibbilità li l-każin minn wieħed soċjali jaqleb għal wieħed mużikali. 

Ma kinitx daqshekk faċli għax l-istatut kien jgħid li biex titressaq din il-mozzjoni fis-seduta ġenerali, kien hemm bżonn xejn inqa sminn għoxrin firma ta’ membri. Ġara li l-membri anzjani ta’ dan il-Club urew reżistenza. Ġann Patist ma qatax qalbu u bi sforz kbir kien irnexxielu jiġbor għoxrin firma. 

Tressqet il-mozzjoni, iżda fis-seduta ġenerali ma ntlaħaq ebda qbil. Dan kien fis-sena 1983. Ġann Patist baqa’ stinat fil-ħsieb tiegħu. Ftit xhur biss wara eżattament fis-sena 1985 reġa’ ġabar il-firem. Il-mozzjoni mressqa kienet tgħid li id-Dingli Club jibdel ismu u jsir Każin Banda anta Marija. Il-mozzjoni wara diskussjoni għaddiet. 

Beda l-uġigħ ta’ ras marbut ma’ każin ġdid. Is-Surmast Direttur min se jkun? Għal dan, solva kollox Ġann Patist. Hu kien avviċina lil Alfons Maria Vella u dan aċċetta li jkun is-surmast direttur. 

Ġann Patist jitkellem b’nostalġija fuq l-ewwel rekording tal-banda fejn dakinhar kien indaqq għall-ewwel darba l-innu tal-Banda bi kliem ta’ Francis Ebejer. 

Ġann Patist jgħidilna li “kont l-ewwel segretarju tal-banda. Wara rtirajt mill-kumitt għax minħabba l-politika qaluli li ma stajtx noqgħod. Jien biex ma jinqalgħax inkwiet irtirajt. Jien membru onroarju u bqajt nerfa’ l-istandard tal-banda”. 

Iwaqqaf il-Brigada f’Ħad-Dingli 

Ġan Patist jgħidilna li “fl-1979 waqqaft il-Brigata Laburista ta’ Ħad-Dingli. Kont fl-Eżekuttiv tal-Brigata. Minkejja dan xorta kont bqajt attiv fil-baned. Mal-banda tal-Partit Laburista kien fl-1976 li bdejt nerfa’ l-istandards. Din illum m’għadhiex għax Joseph Muscat kien waqqafha. Niftakar li kien hemm żmien fejn il-Partit Laburista kellu tliet baned. Dik tar-Rabat Malta, dik ta’ Għawdex u oħra minn Malta kollha. 

Xufier, id-Dwana, ifarkar il-kotba fil-Bibjoteka, il-Qorti u wara fiċ-Ċentru Ħidma Soċjali 

Jirrakkontalna id-diversi xogħlijiet li ħadem mal- Gvern. Minn dipartiment għal ieħor, Ġan Patist b’daħka fuq fommu ma jonqosx li jsemmi l-esperjenzi li għadda minnhom. 

Jgħidilna li “kien fl-1967 meta dħalt mal-gvern. L-ewwel li dħalt mal-Malta Develpment Corporation bħala xufier. Fl-1968 irċevejna ittra biex nagħżlu jekk irridux inkunu mal-gvern jew mal- MDC. Jien u oħra għażilna l-gvern. Bagħtuni il-labour office u hemmhekk kont naħdem bħala fattiga.” 

Jenfasizza li “ġara li l-ewwel kienu se jibagħtuni l-pixkerija, imma finalment bagħtuni l-Labour Office u l-għada bagħtuni id-Dwana. Fid-Dwana għamilt seba’ snin u nofs. Fl-1979 bagħtuni l-Bibjoteka ma’ Philip Muscat. Xogħli hemm kien infarfar il-kotba u messaġġier. Wara ġie wieħed miż-Żurrieq u qalli l-Ministru Cassar iridek. Mort hemm u qgħadna nitkellmu. Għedtlu l-istorja tiegħi u hu qalli kif taf kollox. Qalli inti għal miegħi, Għamilt tliet xhur il-finanzi, u minn hemm fl-1982 daħal Lino Spiteri u hu kien bagtħat għalija u qalli jiddispjacini se jkolli nibagħtek xi mkien ieħor. Jien għedtlu min ġabni hawn jeħodni fejn kont. Spiċċajt għamilt jumejn il-Mużew Nazzjonali l-Belt. Meta mort quddiem id-direttur, għedtlu jien messaġġier u qalli jien xi ħadd ‘labour’ irrid. Għedtlu jien ‘labour” (għax Laburist) u hu qalli messaġġier mhux ‘labour’. Ma stajtx ma nweġbux. Għedtlu jien ‘labour’ għax mal-Partit Laburista. Qalli mur fuq. Imbagħad ħdimt il-Qorti. Mort ma’ Guże Cassar u mbagħd tbiddel il-Gvern u aħna morna l-Qorti. Meta ġie Guido de Marco qalli inti mhux suppost qed miegħi l-Ministeru. Jien għedtlu inti mhux in-nies tiegħek se ddaħħal… “Qalli inti għal hawn.”
Ikompli jgħid li “imbagħad kien fl-1992 li mort iċ-Ċentru Ħidma Soċjali. Hemmhekk ħdimt fil-Qorti tat-Tfal u bqajt hemm sal-aħħar. Irtirarjt fl-2005.” 

Il-konnessjoni mar-Rabat 

Illum lil Ġann Patist issibu sew ukoll ir-Rabat. Ilu għal dawn l-aħħar snin, involut ukoll u jgħin f’għaqdiet volontarji. Nistaqsuh dwar il-konnessjoni Rabtija u jgħidilna li “l-mara u l-familja tagħha mir-Rabat. Allura jien inġbdit ‘l hemm ukoll. L-ewwel li mort ma l-Isle Adam u kont nerfa’ l-istandard. Rajt ir-rota mhix timxi tajjeb. Dabbart rasi. 

Wara xi żmien kien ġie l-Wiġi l-Lisu u staqsieni biex nerfa’ l-istandard. Bdejt nerfgħu l-istandard tal-Banda Konti Ruġġieru u għadni nagħmel dan sa issa. “Fil-Banda Konti Ruġġieru sibt ambjent jilqagħni. Laqgħuni mill-ewwel. Niftiehem ħafna magħhom. Immur tajjeb ħafna mal-President u s-Segretarju. 

Ilni nġemma’ l-programmi tal-festa sa mis-sena 1990 

Waqt li qed nitkellmu miegħu ma stajniex ma ninnutawx għadd ta’ xkafef bil-kotba. Rani nħares lejhom. Ma tanix ċans nistaqsih dawk il-kotba x’inhuma. Qalli “dawk programmi tal-festi li jsiru f’Malta u Għawdex. Ilni inġemmagħhom sa mis-sena 1990. Insibhom interessanti.” 

It-tifel jgħix miegħi … għandna xi raba’ Selmun 

Jitkellem dwar il-familja u jgħidilna li “ibni David jgħix miegħi. Għandi xi raba’ Selmun, jaħdmu hu u jien immur ngħinu. Ir-rabta mal-Mellieħa dejjem baqgħet hemm. Dik f’qalbi”, jgħidli Ġann Patist. 

“Illum li qed nikber, u l-mara m’għadhiex magħna, għandi lil Sharon Portelli li tiġi tgħinni fix-xogħol tad-dar. Aktar ma tikber, aktar ikollok bżonn l-għajnuna. Dik il-ħajja. Kien hemm żmien fejn forsi wieħed ma jagħtix kas għax ikun għadu żgħira, imma meta tikber ikollok tibda tfittex l-għajnuna”, jisħaq Ġann Patist. 

Il-festi ta’ dari u ta’ llum … fil-ġlieda tal-Ħamrun kont hemm kien hemm wieħed kellu xi ħaġa f’idu ħadthielu 

Jitkellem dwar il-festi. Isemmi kif l-imgħoddi l-baned kienu joffru it-trasport għal min iġorr l-istandard jekk dan ma jkunx minn dak il-lokal, xi ħaġa li llum inqatgħet. Jitkellem ukoll dwar id-differenza fil-festi fl-imgħoddi u llum. “Ngħid li hemm differenza kbira. Qabel konna noħorġu. In-nies kienet toħroġ. Ma kellhiex fejn tmur. Anke l-aħjar libsa tħalliha għal meta tiġi l-festa. Konna nkunu qed nistennewha l-festa minn sena għal sena. Illum, il-ħajja nbidlet imma in-nies xorta għadha toħroġ għall-festi. Jien sibtha diffiċli din is-sena. Ma sar xejn. Dan il-virus qaleb kollox ta’ taħt fuq. Sakemm tibqa’ din il-marda, qisek trid tinsa li se jsiru festi u baned. Ma tistax tagħmel xejn fuqha sakemm tiġi l-injezzjoni. K’Alla jrid is-sena d-dieħla nittamaw li jsiru l-festi. Aħna l-Banda Konti Ruġġieru, għal festa ta’ San Pawl fl-ewwel Ħadd ta’ Lulju daqqejna ġewwa. Ġew il-bandisti tal-post u daqqew fis-sala għan-nies. Waħda mill-ftit baned, jekk mhux l-unika li għamlet hekk u ferrħet lin-nies f’dawk iċ-ċirkostanzi”. 

Ma jonqosx li jsemmi esperjenzi u kunflitti f’xi festi. Iħares lura u jitkellem b’mod pożittiv li llum il-ġlied fil-festi spiċċa. “Ngħid li fil-festi fl-imgħoddi ġieli kien ikun hemm il-ġlied. Dan issa waqaf. Il-baned qatt ma qalgħu ġlied. Jien kont preżenti f’ħafna minn dawn. Huma in-nies li jaqilgħu l-ġlied.” 

“Ħa nsemmilek tal-Ħamrun. Tiftakarha dik il-ġlieda kbira li kien hemm? Meta inqala’ l-ġlied il-Ħamrun jien kont hemm. Bdejna niġbru n-nies li kienu feruti u neħduhom l-isptar. Kien hemm wieħed, kellu xi ħaġa f’idu, eżattament x’kienet ma nafx. Dak il-ħin lanqas rajt x’kienet qbadt u ħadthielu jien.” 

Share With: