ARA: Titnieda t-tieni edizzjoni tal-MACE … Diskussjonijiet virtwali dwar il-futur tal-avjazzjoni

Miktub minn ANTHEA CACHIA, Filmat ALAN SALIBA 

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg nieda t-tieni edizzjoni tal-Malta Aviation Conference and Expo (MACE) li se ssir mit-18 sal-20 ta’ Novembru li ġej. 

B’differenza mill-ewwel edizzjoni, din is-sena kollox se jkun online, b’ammont sostanzjali ta’ kelliema, li lkoll se jkunu qegħdin jiddiskutu diversi temi, fosthom l-impatt li ħalliet il-pandemija fuq is-settur ta’ avjazzjoni u sostenibbiltà fil-kuntest ta’ finanzi, regolazzjoni u operat. Id-delegati se jkollhom l-opportunita li jipparteċipaw f’panel ta’ dibattitu live, jiltqagħu ma’ fornituri ta’ l-industrija, professjonisti ta’ l-industrija u esperti fuq is-suġġett.

“Meta ħloqna MACE is-sena li għaddiet, b’mod partikolari waqt l-ewwel edizzjoni, li ġabret ‘l fuq minn 150 delegat, l-għan kien li noħolqu avveniment b’ambjent ta’ kollaborazzjoni u kooperazzjoni sħiħa għal mexxejja fi ħdan is-settur tal-avjazzjoni biex ilkoll jibbenefikaw minn din l-esperjenza u għaldaqstant jirnexxu,” qal Jonathan Dalli, wieħed mill-fundaturi ta’ MACE. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg saħaq, li Transport Malta qiegħda tgħin u tikkontribwixxi biex b’hekk MACE tibqa ħajja anke waqt u wara l-pandemija. 

F’kumment li ta lil inewsmalta, il-Ministru saħaq, “bla dubju ta’ xejn dan huwa settur li ħa daqqa kbira ħafna. Ħafna nies mhux qegħdin isifru. Oħrajn m’għadhomx imorru għal xi vaganzi jew laqgħat. Nafu r-realtà tad-dinja virtwali wkoll.”

Huwa żied jgħid li, “l-avjazzjoni tibqa importanti spjeċalment għalina bħala pajjiż gżira. Aħna bqajna nirċievu l-merkanzija ħafna minnhom mediċina, bqajna fil-bżonn li nsiefru għal dak li huwa vjaġġar essenzjali. Lill hinn mill-konnetività għandna settur fl-ekonomija li huwa importanti ħafna li jħaddem ħafna nies.”

Il-Ministru Borg saħaq li r-reġistru u anke ċ-ċertifikati li wieħed jista’ jopera l-linji tal-avjazzjoni maħruġa minn Transport Malta qiegħed dejjem jikber. Sa llum hemm 495 ajruplan fuq ir-reġistru filwaqt li hemm mal-40 operaturi iċċertifikat biex jopera minn pajjiżna. Madanakollu huwa qal li, “dak m’huwiex l-unika settur f’din l-industrija u allura rridu naraw li anke ‘l fatt li r-reġistru qiegħed jikber is-setturi oħrajn tal-industrija jkunu qegħdin jikbru miegħu, f’dak il-cluster tal-avjazzjoni bħal manutenzjoni, amministrazzjoni, taħriġ, is-servizzi tal-avukati, awdituri u aktar fost l-oħrajn.”

Fl-aħħar temm jgħid li din il-konferenza se tagħti ċ-ċans li kulħadd jingħaqad, b’mod virtwali u b’hekk nistgħu nħarsu ‘l quddiem li fis-snin li ġejjin pajjiżna jerġa jospita kellima importanti oħra biċ-ċans li flimkien niddiskutu l-futur ta’ l-avjazzjoni.”

Iċ-Ċermen ta’ Transport Malta Joseph Bugeja qal, “Huwa tassew ta’ pjaċir għal Transport Malta li nappoġġjaw lil MACE li ser tiffoka fuq industrija tal-avjazzjoni sostenibbli Transport Malta hija l-isponsor prinċipali għal din il-konferenza u dan b’unur, hekk kif wieħed mill-aktar pilastri importanti ta’ żvilupp għalina huwa d-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili. Waqt dawn iż-żminijiet strambi u bla preċedent, Transport Malta xorta qed tappoġġja din il-konferenza għax temmen fis-settur li għandu bżonn jagħraf l-aħjar triq ’il quddiem favur riżultati aħjar. Id-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili kompla jirreġistra l-progress b’aktar reġistrazzjonijiet ta’ ajruplani taħt ir-reġistru 9H, li diġà qabżu kull aspettattiva. Il-konferenza virtwali qed tiġi organizzata minn tim professjonali ta’ esperti u Transport Malta tinsab kunfidenti li se tilħaq l-udjenza internazzjonali kif inhu ppjanat.”

Share With: