Arrestat b’rabta ma’ serqa minn stabbiliment f’Buġibba

Il-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra fl-aħħar sigħat arrestat raġel ta’ 34 sena mill-Georgia, residenti San Pawl il-Baħar, b’rabta ma’ serqa minn stabbiliment tal-ikel f’Buġibba. Il-każ  seħħ fis-7 ta’ Ottubru, 2020.  

Kienu għall-ħabta tal-5:00 a.m ta’ nhar l-Erbgħa, xħin il-Pulizija fl Għassa tal-Qawra ġew infurmati li fi Triq Dawret il-Gżejjer, f’Buġibba, hemm persuna  suspettuża. Il-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post indikat fejn sabu cash register fl-art,  iżda l-persuna li allegatament kienet biha laħqet ħarbet bil-flus kontanti ta’ ġo fiha.  

Waqt li l-Pulizija kienu qegħdin ifittxu fl-inħawi għal din il-persuna, innutaw li stabbiliment tal-ikel fil-qrib kellu l-bieb ta’ barra sgassat. Malli daħlu ġewwa, il-Pulizija  nnutaw li kien hemm il-cash register nieqsa. Il-Pulizija kkonfermaw li l-cash register li  nstabet barra hija tal-istess ħanut. 

Minn aktar investigazzjonijiet li saru, anke permezz ta’ filmati tal-kameras tas-sigurtà tal istess stabbiliment, il-Pulizija identifikat l-allegat ħalliel u kien arrestat. Waqt l-arrest, il Pulizija sabet fil-pussess tiegħu sustanza suspettata droga kokaina. 

Ir-raġel qiegħed jinżamm mill-Pulizija għal aktar stħarriġ. L-investigazzjonijiet dwar dan  il-każ mill-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra għadhom għaddejjin. 

Share With: