Attivisti b’sit down strike fi Pjazza Kastilja jipprotestaw kontra l-ftehim tal-Aħrax u l-Miżieb

Attivisti ambjentali lebsin maskri u bi placards inġabru quddiem Kastilja biex jipprotestaw mid-deċiżjoni biex iż-żoni tal-Miżieb u l-Aħrax jingħaddew lill-federazzjoni tal-kaċċaturi.

Il-200 persuna li nġabru quddiem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru dehru josservaw il-miżuri ta’ distanza soċjali.

Il-protesta qed tiżvolġi wara li fil-ġimgħat li għaddew il-Gvern iffirma ftehim biex żewġ żoni ambjentali jingħaddew b’konċessjoni ta’ tliet snin lill-FKNK. Kienu bostas l-gruppi u l-għaqdiet tas-soċjetà ċivili li pprotestaw għal dan il-ftehim.

Il-ftehim se jkun qed jippermetti liż-żoni tal-Miżieb u l-Aħrax biex jintużaw minn kaċċaturi liċenzjati u nassaba waqt l-istaġun tal-kaċċa, bil-pubbliku jingħata aċċess għaż-żoni f’ħinijiet li għadhom mhumiex stabbiliti.

Min-naħa tagħha l-FKNK qalet li dan il-ftehim jifformalizza ftehim li ilu fis-seħħ għal għexieren ta’ snin. Madankollu l-attivisti qed jisħqu li l-Gvern qed jaġevola lill-kaċċaturi filwaqt li jnaqqas l-aċċess min-naħa tal-pubbliku f’dawn iż-żoni.

Share With: