Attivisti tal-annimali jinsistu li m’għandux ikun hawn zoos f’Malta

Attivisti tal-annimali, fosthom Rosalind Agius mill-Assoċjazzjoni tal-Annimali Abbandunati (AAA), jinsistu li f’pajjiż żgħir daqs Malta qatt ma kellu jkun hemm zoos biex tibda, speċjalment, qalet Agius f’kummenti lil Inewsmalta, “zoos li m’għandhom assolutament l-ebda programm ta’ konservazzjoni bħal dawk li għandna”. F’dan ir-rigward, Agius qalet li huma qed jilqgħu l-emendi l-ġodda kollha li qed jiġu propositi u huwa definitavement pass kbir fid-direzzjoni t-tajba.

Agius qalet li l-fatt li l-pubbliku ma jistax imiss l-annimal selvaġġ jew li ma jkollhomx interazzjoni diretta hija kompletament ta’ benefiċċju kemm għall-annimal selvaġġ kif ukoll għall-pubbliku ġenerali. Hija fakkret li f’pajjiżna diġà kien hemm inċident fejn tifel żgħir sofra xi ġrieħi (mibrux) minn tigra minħabba interazzjoni.

“Kameras tas-sigurtà, ħaddiema liċenzjati, programmi ta’ sterilizzazzjoni, assigurazzjoni u l-iċċipjar ta’ annimali huma kollha ta’ benefiċċju u dan huwa l-mod ta’ kif entità serja għandha taħdem. Nilqa’ b’mod pożittiv u nittamaw li dan l-avviż legali jseħħ dalwaqt,” qalet Agius.

Magħha qablet attivista oħra tal-annimali, Alison Bezzina, li qaltilna li fil-fehma tagħha l-annimali mhux domestiċi m’għandhom qatt jinżamm magħluqin f’zoo jew xi forma ta’ stabiliment ieħor, jekk mhux għal ġid tagħhom stess, pereżempju b’mod temporanju f’każ ta’ kura medika, jew għal konservazzjoni ta’ dik l-ispeċi. Bezzina żiedet tgħid li nżommu annimali mhux domestiċi f’postijiet bħal zoos sempliċement biex il-bniedem ikun jista’ jieħu pjaċir jarahom hija inaċċettabbli u att egoistiku immens.

“Is-suġġerimenti li jinstabu fl-avviż legali propost huma pass kbir ‘il quddiem biex titjieb is-sitwazzjoni preżenti, pero, bħal kull ħaġa oħra, jekk dawn il-proposti ma jiġux infurzat, ma jiġu jiswew xejn,” temmet tgħid Bezzina.

L-ebda viżitatur f’zoo ma jista’ jmiss l-annimali selvaġġi

Huma qalu dan wara li nhar it-Tnejn, il-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar it-tnedija tal-proċess ta’ konsultazzjoni għal-liġi l-ġdida dwar il-protezzjoni tal-annimali li għandha tara regoli iktar stretti rigward l-annimali ġewwa ż-zoos.

Uħud mill-punti ewlenin li ssemmew jinkludu li l-ebda visitatur f’zoo ma jista’ jmiss l-annimali selvaġġi, issir polza tal-assigurazzjoni u li jinżamm reġistru tal-annimali. Apparti minn hekk, jintalab li l-annimali jiġu msewwija fi żmien sitt xhur bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jaqgħu taħt programm ta’ tgħammir u li l-annimali jiġu ċċippjati.

Isemma’ wkoll li jekk xi darba s-sid taż-zoo jinstab ħati ta’ trattament mhux xieraq tal-annimali l-ewwel darba jista’ jeħel multa ta’ €2,000 sa €65,000 filwaqt li għat-tieni reat jeħel multa ta’ €6,000 sa €80,000 u possibiltà ta’ tliet snin priġunerija.

Sid ta’ zoo kontra l-proposti, fosthom li ma jistgħux jieħdu ritratti mal-frieħ

Intant, xi sidien taż-zoos f’Malta kkritikaw dawn il-proposti tant li sid minnhom qal li qatt ma ġew ikkonsultati dwar kif qed jgħixu permezz ta’ din il-pandemija u dwar kif qed jirnexxielhom jżommu l-annimali tagħhom ħajjin, anke jekk il-park tiegħu ilu magħluq għal diversi xhur, mingħajr ebda dħul, filwaqt li sostna li l-annimali tagħhom huma parti mill-familja.

Sid ieħor ta’ żoo f’Malta, Anton Rea Cutajar, beda petizzjoni fejn sostna li ma jaqblux mad-deċiżjoni li ma jkunux jistgħu jagħmru tigri u ma jaqblux mad-deċiżjoni li ma jistgħux jieħdu ritratti mal-frieħ. Fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook huwa ppubblika ritratt ta’ ferħ li se jagħlaq erba’ ġimgħat u staqsa jekk xi ħadd jistax ifehmu x’nista jagħmillek. Huwa żied jgħid li minn nhar is-Sibt, il-pubbliku jista’ jmur fiż-zoo tiegħu u saħansitra jieħdu t-tfal u jieħdu ritratti mal-frieħ. Għal dan, bosta kienu dawk in-nies li kkummentaw fosthom missier tifel b’diżabilità li qal li ma jistax jispjega l-ferħ li jkollu ibnu meta jmorru f’dan iż-zoo u jinzertaw xi ferħ, speċjalment meta jieħu ritratt miegħu.

Il-pubbliku għandu sas-27 ta’ Ottubru biex iressaq il-proposti tiegħu għal din il-liġi ġdida dwar il-protezzjoni tal-annimali.  Bosta nies li kkummentaw fuq il-midja soċjali urew fehmiet kontrastanti, fejn min-naħa kien hemm dawk li qablu li sitt zoos f’Malta huma ħafna u li z-zoos m’għandhomx ikunu legali biex l-annimali jgħixu fl-abitat tagħhom u mhux magħluqa ġewwa gaġġa. Min-naħa l-oħra uħud minn dawk li kitbu ma qablux li t-tfal ma jistgħux jieħdu pjaċir jaraw u jmelsu tigra u sostnew li dawk mhux annimali slavaġġ imma domestikati. Fost dawk li ma jaqblux mal-proposti, 

Share With: