BAĠIT 2021: Rifużjoni fit-taxxa għal prodotti fil-Pitkalija u Pixkerija

BAĠIT 2021: Salvagwardja tal-impjiegi

Il-Gvern se jestendi din l-għajnuna tal-COVID Wage Supplement sal-aħħar ta’ Marzu 2021. S’issa ġew salvagwardjati mal- 100,000 impjieg u ngħatat għajnuna lil aktar minn 20,000 kumpanija. Huwa stmat li l-ispiża fuq din l-iskema se tlaħħaq sa €40 miljun fix-xahar.

Il-miżuri li jgħinu l-likwidità tan-negozji li tħabbru fil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika fosthom it-tax deferrals, il-moratorium, is-self mill-banek garantit mill-Gvern kif ukoll is-sussidju fuq l-imgħax kollha se jibqgħu fis-seħħ kif imħabbra.

BAĠIT 2021: Fondi Ewropej

Il-Gvern Malti kiseb allokazzjoni ta’ fondi għal Malta u Għawdex li jlaħħqu s-somma ta’ aktar minn żewġ biljun ewro. Dawn il-fondi huma mifruxa fuq programmi ffinanzjati mill-baġit tradizzjonali (MFF) tal-Unjoni Ewropea u minn fondi mill-istrumenti ġodda ta’ rkupru u ta’ tranżizzjoni (RFF) li nediet il-Kummissjoni Ewropea fl-isfond ta’ sfidi kbar ambjentali u tal-kriżi tal-COVID-19.

Il-Gvern se jkun qiegħed jalloka madwar €120 miljun f’fondi Ewropej, li Malta kisbet taħt il-programm ġdid ReactEU kif ukoll xi fondi oħra Ewropej, sabiex ikompli jsostni l-impjiegi li ġew milquta mill-pandemija tal-COVID-19. 

Fix-xhur li ġejjin il-Gvern se jkun qiegħed ifassal programm ta’ madwar €220 miljun ta’ grants taħt il-Facilità għall-Irkupru u Reżiljenza (RRF), fuq investiment fis-setturi tal-ambjent u l-klima, kif ukoll il-bidla lejn realtà iktar diġitali, fost l-oħrajn.

BAĠIT 2021: Malta Enterprise

Numru ta’ inizjattivi ta’ Malta Enterprise fuq start-ups, bejgħ onlajn għan-negozji u anke skemi speiċifiċi għal kumpaniji li jħaddmu inqas minn 50 persuna biex dawn ikunu jistgħu jissaħħu f’dak li għandu x’jaqsam negozju online. It-treshhold tal-VAT għal negozji żgħar se titla’ minn €20,000 għal €30,000.

Se jitħabbru dettalji fejn il-ME se jkollha skemi  ta’ investiment barrani ġdid.

Se jkompli wkoll ikun hemm it-tisħiħ f’dak li għandu x’jaqsam ir-reġistru marittimu biex ikun hemm promozzjoni akbar fil-qasam tas-super yachts.

BAĠIT 2021: Ħidma biex l-Air Malta tirkupra parti mit-telf li għamlet minħabba l-pandemija

Il-Gvern se jara li jgħinu lill-Air Malta tirkupra parti mit-telf li għamlet minħabba l-pandemija u għalhekk fil-ġranet li ġejjin se jkun qed idaħħal talba ta’ State Aid mal-Kummissjoni Ewropea.

BAĠIT 2021: Turiżmu … il-mira li l-enerġija taqleb għal sorsi nodfa

Fl-isfond tal-Covid19 il-Gvern se jvara strateġija għall-iżvilupp tat-turiżmu li tkun imsejsa fuq sisien aktar sostenibbli u kompetittivi liema strateġija għandha twassal sal-2030.

Il-Gvern beda jaħdem fuq pjan ta’ implimentazzjoni fit-tul biex l-industrija taqleb għal dik li tissejjaħ ‘net zero, carbon neutral’ jiġifieri kull stabbiliment turistiku jibda jiġġenera enerġija minn sorsi nodfa.

Se jkun hemm pakkett ta’ inċentivi ta’ promozzjonijiet internazzjonali, stimolu għas-settur tal-konferenzi, riġenerazzjoni u ż-żamma fi stat tajjeb taz-zoni turistiċi waqt li Paceville se tkun l-ewwel zona li se tiġi żviluppata taħt il-kunċett ta’ Safe City.

BAĠIT 2021: Għawdex … il-Gvern se jara l-mina hiex sostenibbli finanzjarjament

Bit-tieni fibre optic cable, l-Innovation Hub u l-Osservatorju Astronomiku Nazzjonali se jinħolqu opportunijiet ġodda ta’ xogħol ta’ valur miżjud għoli.

Fl-oqsma tal-biedja u sajd se jiddaħħlu inizjattivi biex ikunu aktar sostenibbli waqt li se jiġu estiżi skemi bħall-Employment Refund Scheme, it-Teleworking Scheme u l-iskemi fil-qasam tal-MICE.

Matul is-sena d-dieħla se jitkompla x-xogħol fuq ir-rinovazzjoni u t-titjib fl-infrastruttura tal-ICT fil-Ministeru t’Għawdex.

Se jitkompla x-xogħol fuq il-bini mill-ġdid ta’ toroq arterjali waqt li se jiġu installati ‘mosaic murals’ fiz-zoni turistiċi u xogħol ta’ infrastruttura fl-inħawi tal-Blue Lagoon.

Proġetti oħra li se jitkomplew jinkludu l-‘smart parking’ fil-parkeġġi, iċ-Ċentru Akkwatiku barra l-Pixxina Olimpika u l-aġġornament tal-‘master plan’ għad-diving.

L-istudenti Għawdxin se jkomplu jiġu mgħejjuna bil-proġett ta’ akkomodazzjoni f’Birkirkara u se jingħata bidu għall-ewwel fażi ta’ proġett-pilota għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinovabbli.

Dwar il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer il-Gvern se jkompli fuq il-proġett tal-‘fast ferry’, se tinħareġ sejħa għall-offerti għar-raba’ vapur tal-Gozo Channel, jitkompla s-servizz ġdid tal-linja X300 u se jitlesta l-proċess dwar kemm il-mina tista’ ssir mil-lat finanzjarju.

BAĠIT 2021: Biedja u Sajd … rifużjoni fit-taxxa għal prodotti fil-Pitkalija u Pixkerija

Il-Gvern se jagħti għotjiet ekwivalenti għat-taxxa li titħallas fuq il-bejgħ tal-prodotti li l-bdiewa u s-sajjieda jbigħu fil-Pitkalija u fil-Pixkerija.

Se jiġu offruti skemi ġodda biex iħajru aktar bdiewa żgħażagħ jidħlu fis-settur u se tiġi implimentata l-istrateġija dwar ir-reżistenza antimikrobika biex titjieb il-bijosigurtà fl-irziezet.

Is-sena d-dieħla se tibda titwettaq ir-riforma li għandha tintroduċi sistemi ta’ traċċabilità u immodernizzar fl-istrutturi tal-Pitkalija.

Fil-Biċċerija Pubblika se jiġi iffaċilitat l-investiment sabiex isir użu u tqegħid fis-suq ta’ ‘by-products’ u b’hekk tiżdied il-kompetittività tas-settur.

Fil-baġit ġew ivvutati fondi għat-tnedija ta’ skema li ttejjeb il-ħarsien  tal-majjali fl-irziezet, fondi sabiex is-sajjieda jkomplu jirrestawraw id-dgħajjes tradizzjonali tas-sajd tal-injam mibnija qabel l-2007 u fondi għall-‘metering’ tal-boreholes.

Se jittejbu l-faċilitajiet fil-kwarantina tal-annimali żgħar u se jinbeda x-xogħol fuq il-bini taċ-ċimiterju tal-annimali.

BAĠIT 2021: Immaniġġjar tal-ilma … il-mira li jkompli jitnaqqas l-ħela tal-ilma

Se jiġu installati ‘dispensers’ u se jiġi estiż in-netwerk ta’ distribuzzjoni biex ikunu jistgħu jgawdu minnu aktar bdiewa fil-pajjiż.

Il-Gvern se jinveti fis-sistemi ta’ produzzjoni u distribuzzjoni tal-ilma biex jilqa’ għaż-żieda fid-domanda tal-ilma u jżid il-kapaċità tal-produzzjoni tal-impjanti tar-reverse osmosis.

Se jkomplu jitqassmu l-‘water saving kits’ lir-residenti biex jitnaqqas il-ħela tal-ilma u se jinbeda pjan li għandu jwassal għal bidla fis-sistema tad-drenaġġ u l-impjanti għat-tisfija.

Trasport tal-massa … studju dwar hux vijabbli

Wara li testate l-ewwel fażi tal-istudju dwar il-possibilità li tiġi introdotta sistema ta’ trasport għal-massa, permezz ta’ sistema metropolitana taħt l-art bl-użu ta’ ‘light rail’, is-sena d-dieħla se jkun qed isir it-tieni fażi ta’ dan l-istudju li jkun jinkludi stħarriġ ġeotekniku, studji sismiċi biex jiġi stabbilit il-proġett hux vijabbli jew le.

Share With: