“Baġit b’miżuri kożmetiċi u mingħajr viżjoni ħolistika”

F’anteprima għad-diskors tiegħu għal għada, Grech jiddifendi r-reazzjoni “negattiva” tal-Oppożizzjoni għall-Baġit: “Għandna obbligu kostituzzjonali li nagħmlu dan”

Waqt l-intervent tiegħu fuq programm fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech saħaq li l-Baġit li ppreżenta l-Gvern aktar kmieni din il-ġimgħa kien wieħed miżgħud “b’miżuri kożmetiċi, li ma qiesx b’mod individwali dawk is-setturi l-iktar importanti li mingħajrhom l-ekonomija ma tistax terġa tirriġenera ruħha.”

Wara li numru ta’ gazzetti u esponenti politiċi kkritikaw l-atteġġjament negattiv tal-Partit Nazzjonalista b’reazzjoni għall-baġit tal-Gvern, Grech saħaq li l-Oppożizzjoni kellha obbligu kostituzzjonali tagħmel dan, filwaqt li saħaq dawn il-kummenti kienu frott “il-fsied żejjed ta’ ċertu politikanti li ma jaċċettawx kritika tan-nuqqasijiet fix-xogħol li jagħmlu.”

“Nifhem għalfejn kien hemm dawn it-tip ta’ kummenti, pero aħna bħala Oppożizzjoni għandna responsabbilita li nirrapprezentaw l-opinjoni tal-poplu Malti kollu. Għandna obbligi kostituzzjonali li noħorġu fil-beraħ dak li aħna jidhrilna li mhux qiegħed isir bl-aħjar mod.”

Grech saħaq li l-pandemija ma tistax tintuża bħala raġuni għal ċertu nuqqasijiet: “Malli bdejna ngħaddu mill-ewwel maġwa, u din bdiet tittaffa, li kieku kellna Gvern għaqli u matu li jara r-realtajiet ta’ madwaru, u jisma l-opinjoni tal-esperti differenti, kien jara x’jagħmel biex isiru l-preparamenti meħtieġa.”

“Li tindirizza l-problemi b’mod immedjat huwa sinjal tajjeb, pero irid ikollok viżjoni biex dawn id-diffiukultajiet tindirizzahom b’mod iktar b’saħħtu. Il-Gvern ta l-ħuta lil ċertu sezzjonijiet tal-poplu Malti, pero s’issa għadu ma tax il-qasba lill-poplu Malti kollu, u ppreparahom għall-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni ddeskriva lill-Gvern bħala wieħed “li jara sal-ponta ta’ imnieħru, li jieħu deċiżjonijiet bbażati fuq in-numri tal-ġurnata. Din hija strateġija li xi darba kellha tfalli, kif fil-fatt ġara hekk kif faqqgħet il-pandemija.”

“Il-Gvern m’għandux strateġija oħra ħlief dik li jonfoħ u jkabbar il-bużżieqa kemm jista’ jkun. Malli din infaqgħet pero’, il-Gvern baqa’ ċass.”

Grech tenna li l-miżuri fi ħdan il-baġit “huma kożmetiċi, u ma jindirizzawx b’mod individwali ċertu setturi bħall-għalliema, l-infermiera u setturi oħra tant importanti, li mingħajrhom l-ekonomija ma tistax tiġġenera ruħha. Hemm bżonn bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija, pero’ għada ser nispjega għalfejn dan il-bilanċ ser ikun perikoluż.”

Share With: