BAĠIT

Miktub minn ALFRED SANT

BAĠIT

Nibqa’ ngħid li s-suċċess jew falliment tal-baġit preżentat dil-ġimgħa għas-sena 2021 għad jitkejjel fuq kemm minn naħa se jirnexxilu jsostni l-ħajja finanzjarja ta’ ħafna impriżi maqbuda fi tnalja kerha ħafna ta’ nuqqas ta’ xogħol u ta’ bejgħ; u min-naħa l-oħra, kemm qed iħalli riżervi biżżejjed biex jkun jista’ jibqa’ fil-futur qarib, jilqa’ għal aktar mewġ ta’ disturb ekonomiku. 

Il-bilanċ li nstab fil-miżuri li ġew preżentati… dwar kemm se jkunu, lejn fejn se jiġu indirizzati, kif se tinxtered ir-rankatura tagħhom… jagħmel sens, għalkemm is-sens mhux dejjem jiggarantixxi riżultat ta’ suċċess. Hu wkoll bilanċ prudenti… għalkemm dan ukoll ġieli jwassal għal diżappunt.

Tibqa’ l-mistoqsija li ħadd ma jaf tassew kif se jweġibha: fejn se twassalna l-ħidma bla waqfien biex nifgaw għal kollox it-theddida ta’ Covid 19 fuq is-saħħa publika u fuq l-ekonomiji? Se jkollna riżorsi biżżejjed għal jekk dil-gwerra tiġbed fit-tul?

REBĦA MISTĦOQQA

Tassew kienet mistħoqqa r-rebħa elettorali kbira li għamlet Jacinda Ardern, Prim Ministru tan-New Zealand. Dwar kif laqgħet għall-imxija tal-corona virus u kif avvanzat fuq fronti oħra tal-politika tal-partit tagħha baqgħet sal-aħħar konvinċenti. 

Lanqas kellha għalfejn… jien naħseb, lanqas riedet… tbenġel il-barma soċjali tal-programmi tagħha biex ma tqanqalx reżistenza minn saffi leminin tal-elettorat. Għamlet kull ma setgħet biex dak li kien imwiegħed mis-soċjalisti demokratiċi, jitwettaq. Hekk għandu jkun.

Issa għandha l-maġġoranza meħtieġa biex tkun tista’ twettaq kull bidla li tqis meħtieġa: hekk qed igħidu dwarha. Hu mument perikoluż. Malli tibda temmen li għandha kull poter twettaq li trid, jibdew l-iżbalji. 

  Biss, ma tidhirx bniedma li se tintilef fil-hubris.  

AMNEŻIJA

L-amneżija ta’ dak li jridu jippriedkawlna kif skont huma, l-korruzzjoni fil-pajjiż skattat wara l-2013, hi inkwetanti. 

Waqt li dejjem trid tisħaq fuq kif dak li sar ħażin fl-imgħoddi, bl-ebda mod ma jiġġustifika dak li seta’ sar ħażin illum, tibqa’ l-mistoqsija: Dawk li llum jitkażaw b’tal-lum, kif fl-imgħoddi qatt ma tkażaw bil-ħniżrijiet ta’ dak iż-żmien?

U forsi hemm mistoqsija aktar importanti minn hekk: Ħalliha li dak iż-żmien ma pprotestawx u ma ddimostrawx. Imma llum, kif baqgħu jinjoraw dawk il-każi – ma jsemmuhomx? Talanqas jistgħu jaċċettaw li dawk il-każi jeżistu u li kien jistħoqqilhom dak iż-żmien ukoll, il-ħamba li qed joħolqu llum. 

Bil-lingwaġġ li jużaw huma stess, messhom jagħmlu apoloġija għal kif ġabu ruħhom f’dak iż-żmien.

Minn dan, xejn. Iċċekkjajt dwar uħud minn dawn il-paladini tal-ġustizzja; numru minnhom fiż-żminijiet l-oħra kellhom impjegi interessanti mal-gvern tal-ġurnata, konsulenzi, ambaxxati, perizji…

Share With: