Bernard Grech irid li Delia jifforma parti mix-shadow cabinet

Il-Kap ġdid Nazzjonalista Bernard Grech qal li se jkun qed jassigura li l-predeċessur tiegħu, Adrian Delia, jifforma parti mix-shadow cabinet tal-Partit Nazzjonalista.

Huwa qal dan f’intervista li xxandret aktar kmieni llum fuq il-midja tal-PN.

Fl-intervent tiegħu Grech qal li huwa ma jrid li jitlef lil ħadd minn ħdan il-Partit Nazzjonalista. Grech deher rikonċiljatorju fil-konfront ta’ Delia u s-segwaċi tiegħu u kien hawn li qal li Delia għadu validu għall-Partit Nazzjonalista, hekk kif inhuma dawk li jsegwuh. Grech qal li l-istess bħalma Delia ddeċieda li jibqa’ jifforma parti mill-PN u jibqa’ jagħti sehmu, l-istess għandhom jagħmlu dawk in-nies li qed jitilqu mill-Partit.

Huwa emfasizza l-importanza dwar il-libertà tal-espressjoni u tenna li bħala kap tal-grupp parlamentari Nazzjonalista mhux se jkun qed jikkontrolla dak li d-deputati l-oħrajn Nazzjonalista jgħidu.

Fl-istess waqt, filwaqt li qal li kulħadd huwa liberu li jitkellem u jesprimu lilu nnifsu, dak li jintqal iġorr ċertu piż u għaldaqstant dak li jintqal m’għandux isarraf fi xkiel.

Huwa rrefera għal stħarriġ li kien ippubblikat illum minn MaltaToday li jpoġġi d-distakk bejn l-istess Grech u l-Prim Ministru Robert Abela bħala l-inqas li qatt kien mill-2017 ’l hawn. Grech qal li dan huwa l-bidu tal-ġrieħi tal-PN li bdew ifiqu.

Huwa rrefera wkoll għall-aħbar taż-żoni tal-Miżieb u l-Aħrax li waqgħu taħt l-immaniġġjar tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), u tenna li wieħed għandu jkollu rispett għal dak li jikkostitwixxi l-passatemp ta’ eluf ta’ persuni.

Fl-istess waqt qal li dawn iż-żoni għandhom jiġu gawduti min-nies u qal li issa ma jinsabx konvint li dan se jibqa’ l-każ. Qal li għaldaqstant il-ftehim milħuq bejn il-Gvern u l-FKNK għandu jiġi skrutinizzat min-nies u mill-Parlament.

Share With: