Bernard Grech jissuġġerixxi vawċer għall-maskri u s-sanitizers

Jiddeskrivi l-Budget 2021 bħala “budget virtwali” u l-ekonomija bħala waħda mibnija fuq “steroids ekonomiċi”

Il-Kap tal-Oppożiżżjoni Bernard Grech issuġġerixxa li mat-tieni sett ta’ vawċers li l-Gvern ħabbar fil-Budget 2021 għandu jiżdied ieħor biex il-poplu jkun jista’ jixtri l-maskri u s-sanitizers.

Huwa ħareġ b’dan is-suġġerimenti fid-diskors li għamel fil-Parlament b’reazjoni għall-budget li tħabbar mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna għas-sena d-dieħla.

L-Avukat Grech beda biex iddeskriva ż-żmien li qed ngħixu fih bħala żmien straordinarju għal Malta u għad-dinja kollha u iddeskriva bħala “inkredibbli” kif il-Gvern ma rrikonoxxix l-isforzi tal-‘frontliners’ bħas-suldati, gwardjani lokali, gwardjani tal-Ħabs, pustiera, il-ħaddiema tal-indafa pubblika, xufiera, nies tan-negozju, nies li jaħdmu fil-banek u għalliema.

Huwa sostna li jinsab infurmat li l-Gvern għadu lanqas daħħal fil-liġi Maltija d-direttiva Ewropea li tpoġġi l-Covid bħala Grad 3 li huwa l-ogħla riskju ta’ marda li tittieħed minn fuq il-post tax-xogħol.

Dr Grech akkuża lill-Prim Ministru Robert Abela li naqas li jitlob apoloġija għal dawk li mietu bil-pandemija u li meta ħa r-riedni f’idejh tefa’ lill-pajjiż fil-baħar.

Kien waqt li irrefera għat-twaqqif ta’ tim ta’ azzjoni fi ħdan il-PN li l-Kap tal-PN ħareġ b’diversi suġġerimenti dwar il-Covid minbarra dak tal-vawċers għall-maskri u s-sanitizers.

Huwa appella lill-Prim Ministru biex iwaqqaf kumitat ta’ sorveljanza nazzjonali iffurmat minn esperti mediċi biex isir monitoraġġ tal-pariri li qed jingħataw, jagħti direzzjoni li kull impjegat fis-settur pubbliku li jista’ jaħdem b’’remote working’ jagħmel dan b’mod immedjat, idaħħal inċentivi għall-ħaddiema fis-settur privat biex jagħmlu l-istess, isaħħaħ l-infurzar, idaħħal reġim ta’ ittestjar malajr għal min jiġi Malta minn barra u jsaħħaħ t-testijiet ta’ malajr fl-iskejjel u l-postijiet tax-xogħol.

Dwar il-Budget 2021 iddeskrivih bħala “budget virtwali” u qal li l-Gvern qed ibassar li din is-sena jagħmel l-ikbar defiċit fl-Istorja tal-pajjiż ta’ €1.2 biljun u s-sena li ġejja l-istess defiċit ikun ta’ €750 miljun.

Waqt li qajjem dubji kemm dan fil-fatt se jonqos u mhux jiżdiedu, Dr Grech sostna li l-Gvern huwa marbut b’kuntratti bħal ta’ Steward u l-Electrogas, il-mijiet ta’ “bażużli” fil-‘positions of trust’ kif ukoll ħela u korruzzjoni.

Il-Kap tal-PN iddeskriva wkoll il-mudell ekonomiku ta’ dan il-Gvern bħala wieħed mibni “fuq mudell ta’ steroids ekonomiċi” fosthom l-iskema tal-passaporti, it-turiżmu ta’ kwalità baxxa, l-importazzjoni tal-ħaddiema, l-iżvilupp bla rażan u l-konsum xprunat minn dawn l-aspetti.

“U aħna nafu l-isteroids fl-isports x’jagħmlulek. Jagħtuk xi ftit ta’ vantaġġ kompetittiv iżda wara jkollok tħallas prezz qares għalihom kemm għaliex huma illeċiti kif ukoll għaliex jherruk minn ġewwa. U dan huwa proprju dak li għamlulna l-Muscatonomics!”, żied Grech waqt li semma kif il-fatt li ħafna ħaddiema barranin telqu minn pajjiżna se jkollu impatt fuq l-ekonomija.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni irrefera għar-reputazzjoni ta’ Malta u semma kif pajjiżna għandu reputazzjoni ħażina tort ta’ dan il-Gvern fejn ippreżenta fil-Parlament 10 artikli li dehru barra minn pajjiżna fuq artna.

Huwa irrefera għar-rapport tal-Moneyval u qal li ħadd ma jixtieq li r-rapport li joħorġu jkun negattiv waqt li akkuża lill-Gvern li mhux jikkopera u sostna li dak li ħareġ fuq pajjiżna diġà għamel ħsara lil Malta.

Dwar l-Electrogas akkuża lill-Prim Ministru li ta struzzjonijiet lid-deputati tiegħu biex jirrifjutaw il-mozzjoni tal-PN għal inkjesta waqt li dwar il-ftehim mal-Vital qal li dan ukoll ħammeġ isem pajjiżna kif għamel il-proġett tal-Enemalta fil-Montenegro.

Dr Grech insista li tant kemm il-Gvern hu inkompetenti li ġab nies minn barra biex fi ftit jiem oħra jħabbar ‘reshuffle’ fil-kabinett u sostna li ħafna mill-miżuri mħabbrin fil-budget huma ripetizzjonijiet ta’ miżuri mħabbrin f’budgets preċedenti.

Waqt li semma kif il-Gvern nesa lill-Għawdxin u lill-bdoti tal-Airmalta, il-Kap tal-PN żied li fil-budget lanqas m’hemm viżjoni għall-edukazzjoni, qed jispikka fl-inkompetenza ambjentali u mhux kredibbli fil-fora Ewropej dwar l-immigrazzjoni.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-viżjoni tiegħi hija waħda li tiffoka, fost oħrajn, fuq l-ambjent kemm urban kif ukoll naturali; il-kwalità tal-ħajja fosthom il-faqar, is-saħħa u l-edukazzjoni; iż-żgħażagħ; it-talent uman u setturi ekonomiċi b’pagi li jrendu.

Huwa irrefera wkoll għal patt soċjali ġdid bħala l-għan ewlieni tal-viżjoni tiegħu fejn sostna li l-prijorità tiegħu se tkun l-‘living wage’. u reviżjoni tal-mekkaniżmu taż-żieda għall-għoli tal-ħajja.

Dr Grech enfasizza wkoll li l-PN jrid li jiffoka fuq il-qasam soċjali billi fost oħrajn jara li n-nisa verament javvanzaw fis-soċjetà, jaħseb fl-iżvilupp ta’ Għawdex bi pjan strateġiku għall-gżira fejn il-mina ma ssirx qabel masterplan dwar l-iżvilupp tal-gżira.

Huwa irrefera wkoll għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u sostna li kull ġurnata li tgħaddi b’dan il-każ miftuħ hija ġurnata li pajjiżna jitlef aktar il-kredibilità tiegħu.

Lejn tmiem id-diskors tiegħu Dr Grech sostna li din mhix l-ewwel darba li pajjiżna qed jiffaċċja sfidi kbar u semma l-Assedju l-Kbir u t-Tieni Gwerra Dinjija u nsista li huwa u l-PN jemmnu f’Malta.

L-aħħar kliem tiegħu kienu li jrid pajjiżna kburi, istituzzjonijiet li jaħdmu, pajjiż fejn la tinqatel ġurnalista u lanqas xi tfajla jew ġuvni minħabba l-politika u żgħażagħ li jieħdu l-aqwa edukazzjoni u rispett lejn l-ambjent.

“Jiena nemmen li pajjiżna jixraqlu tmexxija li temmen li post il-bniedem huwa fiċ-ċentru tal-politika, tmexxija li terġa’ tagħmel lil Malta partner kredibbli fuq livell politiku u terġa’ trodd lura d-dinjità u r-reputazzjoni lil pajjiżna”, temm jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni fir-reazjoni għall-Budget 2021.

Share With: