Bil-Covid-19 … Il-flotta marittima naqset fl-età

L-industrija marittima kif ġiet affettwat mill-pandemija tal-Covid19? 

Il-pandemija tal-Covid19 laqtet, tista’ tgħid, is-setturi kollha, mhux f’pajjiżna biss imma madwar id-dinja kollha. L-industrija marittima ma toperax f’iżolament mill-bqija tad-dinja, u għalhekk ġiet affettwata wkoll. 

Naturalment, kien hemm riperkussjonijiet ekonomiċi fuq din l-industrija; naqsu l-attivitajiet kummerċjali bil-baħar u naqsu l-passiġġieri fuq is-servizzi tat-trasport li jeżistu bejn il-portijiet u bejn il-gżejjer. In-nies ingħalqu ġewwa, u magħhom naqset ħafna attività ekonomika. Il-port ingħalaq għall-cruise liners – industrija li tiġġenera ħafna flus f’pajjiżna. 

Madanakollu, ma nistax ma nfaħħarx lill-industrija marittima li minkejja d-diffikultajiet li l-pandemija ġabet, ix-xkiel fl-operat normali li kien isostni lil dan is-settur b’saħħtu, baqgħet għaddejja xorta. Kien grazzi għall-baħħara tagħna, għall-ħaddiema tal-portijiet li pajjiżna baqa’ dejjem moħħu mistrieħ bi provvista ta’ prodotti essenzjali. L-ixkafef tal-ispiżjar baqgħu jimtlew, l-isptarijiet baqgħu jirċievu t-tagħmir li kellhom bżonn, bqajna nġibu t-tagħmir u l-ilbies protettiv għal min kien għadu qed joħroġ għax-xogħol, u qatt ma nqasna minn prodotti tal-ikel jew tal-ħajja ta’ kuljum. 

Il-pandemija ġabet magħha u għadha qed iġġib magħha diversi problemi, mistoqsijiet u biżgħat. Imma ġabet magħha wkoll ħafna tagħlim; tagħlim fuq kif nissoċjalizzaw, tagħlim fuq l-iġjene personali, tagħlim fuq il-mod kif noperaw l-uffiċini. Forsi waħda mill-aktar tagħlimiet li waslu f’pajjiżna kienet dik dwar il-valur tas- settur marittimu – settur li minn wara l-kwinti, fit-tajjeb u fil-ħażin, jibqa’ jirsisti u jaħdem biex aħna nkomplu b’ħajjitna. 

Bħala Gvern x’miżuri ttieħdu biex l-industrija ġiet mgħejjuna tiffaċċja l-isfidi tal-pandemija? 

Kif għedt qabel, il-pandemija kompliet tgħallem kemm l-industrija marittima hija pilastru essenzjali għall-ekonomija u l-għajxien tajjeb ta’ pajjiżna. Għalhekk ma setax jonqos li l-Gvern jaħseb f’din l-industrija wkoll meta kien qiegħed iħejji l-baġit speċjali biex jgħin lill-ekonomija ta’ pajjiżna terġa’ tibda ddur. Kien ta’ pjaċir għalija li stajna nħabbru skema ta’ rifużjoni tal-ħlasijiet tal-port, filwaqt li riċentament adottajna wkoll protokolli ġodda li jiffaċilitaw il-bidliet tal-baħħara. 

Pajjiżna jista’ jiftaħar bi Gvern li minkejja li ra kważi waqfa totali fil-kummerċ u fil-ġenerazzjoni ekonomika għal numru ta’ xhur, xorta waħda ra kif għamel biex ġab il-fondi, irrikorra għall-flus li b’għaqal ġemmajna matul is-snin, u għen lill-ħaddiem, lin-negozjant, lill- baħħar ukoll iva, u lil dik il-familja li kellha bżonn. Din hi t-tifsira ta’ Gvern soċjali. 

F’dawk li huma reġistrazzjonijiet ta’ bastimenti, ġie affettwat mill-pandemija? 

Bla dubju ta’ xejn, il-pandemija affettwat kollox. Minħabba li ħafna bastimenti ma kienx hemm domanda għalihom waqt iż-żmien bikri tal-Covid-19, dawk qodma bdew jiġu skrappjati u għalhekk rajna numru ta’ bastimenti li ġew imħassra minn fuq ir-reġistru fi żmien qasir. Sadanittant, minkejja ż-żminijiet diffiċli li għaddejna minnhom, il-bandiera Maltija xorta baqgħet tirreġistra żieda fir- reġistrazzjoni ta’ bastimenti moderni. Kemm dan it-tnaqqis kif ukoll din iż-żieda huma riżultati pożittivi, għax hekk ifisser li l-flotta Maltija dejjem qed tkompli tiċkien fl-età u titjieb fil-prestazzjoni ambjentali tagħha. 

Mhijiex kumbinazzjoni li kull sena nġibu prestazzjonijiet dejjem aħjar fl-MoUs li aħna parti minnhom, bħal dak ta’ Pariġi. Se nkomplu naħdmu biex ikollna flotta dejjem aktar nadifa, u se nkomplu nirsistu grazzi anke għad-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili fi ħdan Transport Malta, biex naraw aktar tkabbir u dħul, anke meta nkunu qed naffaċċjaw żminijiet mhux daqstant faċli. Determinati li nkomplu nwasslu s-suċċess. 

Il-Gvern kien ħabbar il-Maritime Proof of Concept Fund. Kif intlaqa’ dan il-fond u x’tip ta’ inizjattivi qed jiġu proposti? 

Il-Maritime Proof of Concept Fund tnieda fl-2017 u kull sena jiġu allokati €100,000 f’fondi. Dawn il-fondi jiġu mqassma fuq numru ta’ applikazzjonijiet li jiġu magħżula. Din is-sena l-applikazzjonijiet taħt il-kategoriji ta’ Seed Fund u Proof of Concept qed jiġu milqugħa mit- 2 ta’ Settembru sat-30 ta’ Settembru. 

Hawnhekk qed nitkellmu dwar inizjattiva biex aktar imħuħ f ’pajjiżna joħorġu b’modi innovattivi li jistgħu jkomplu jsaħħu s-settur marittimu. Il-Gvern innifsu din is-sena diġà ra l-implementazzjoni ta’ diversi investimenti f’diġitalizzazzjoni fid-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili. Irridu nisimgħu l-ideat tan-nies ukoll, u nemmnu li hawn diversi akkademiċi, imprendituri, nies fis-settur jew nies li jaħdmu fit-teknoloġija li għandhom ideat varji u tajbin. Irridu nisimgħuhom. 

Share With: