Bil-vawċers ġew iġġenerati aktar minn €5 miljun fl-ekonomija Għawdxija

Sal-bidu ta’ Settembru 206,876 vawċers ġew użati fi ħwienet, lukandi , ristoranti u akkomodazzjoni f’Għawdex, ammont li jfisser injezzjoni ekonomika ta’ €5.2 miljun li tinkludi wkoll l-effett multipliku. 

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri meta żar ristoranti fix-Xlendi akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Il-Ministru Schembri qal li dan is-suċċess huwa wieħed b’saħħtu meta wieħed iqis in-numru ta’ passiġġieri li vvjaġġaw bejn Malta u Għawdex mill-bidu ta’ Ġunju sal-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena. Fil-fatt, matul dan il-perjodu, in-numru totali kien ta’ 1,600,000 passiġġier li qasmu bejn Malta u Għawdex. Dan jammonta għal 300,000 biss inqas mill-ammont ta’ passiġġieri fl-2019.

Il-Ministru Schembri qal li, “dawn ir-riżultati jawguraw tajjeb għall-industrija tal-ospitalità u s-servizzi relatati tagħha. Dawn in-numri huma evidenza ċara li Għawdex jibqa’ destinazzjoni popolari għal ħafna Maltin, li ħafna minnhom żaru l-gżira aktar minn darba matul is-sajf. Il-vawċers kienu miżura essenzjali, li salvat kif ukoll ippermettiet lin-negozji fis-settur tat-turiżmu jibqgħu f’wiċċ l-ilma, ikomplu bl-operat tagħhom u fl-istess ħin jiġġeneraw tkabbir ekonomiku”.

Il-Ministru Schembri spjega li 20% tal-impjiegi kollha f’Għawdex, li ammontaw għal madwar 2,000 impjieg, huma relatati mas-settur tat-turiżmu u għalhekk din l-inizjattiva tal-vawċer ta’ €100 kienet kruċjali għas-sopravivenza u l-ġid ta’ diversi lukandi liċenzjati tal-MTA u akkomodazzjonijiet oħra, li laqgħu b’mod pożittiv din l-istess inizjattiva.

“Meta wieħed iqis li 67% tad-dħul kollu għar-ristoranti u l-ħwienet f’Għawdex kien mill-vawċers użati, nistgħu ngħidu b’mod sigur li r-restimulazzjoni u l-ġenerazzjoni ta’ attività ekonomika għal kulħadd hija dovuta għall-kontribuzzjoni diretta tar-residenti ta’ Malta u Għawdex”, qal il-Ministru Schembri.

Fil-każ ta’ Għawdex, 45% tas-salarji totali kienu koperti mill-Covid Wage Supplement li kompla jippermetti lil bosta negozji jkomplu bl-operat tagħhom. F’Malta, il-vawċers servew bħala 26% tad-dħul għar-ristoranti u l-ħwienet, filwaqt li l-Covid Wage Supplement kopra 43% tas-salarji.

“Kif jidher b’mod ċar, din il-miżura impattat firxa wiesgħa ta’ negozji sabiex l-ekonomija tiġi riġenerata għal kulħadd; minn lukandi, ristoranti, akkomodazzjoni, xiri u servizzi. Ir-riżultati sa issa huma b’saħħithom ħafna. Issa li s-sistema tal-vawċer ġiet estiża sal-aħħar ta’ Ottubru, inħeġġeġ lil kulħadd biex jieħu vantaġġ minn din il-miżura mingħajr preċedent u jikkontribwixxi għar-riġenerazzjoni tal-ekonomija tagħna. Flimkien irnexxielna niżguraw ir-reżiljenza tan-negozji tagħna u ssalvagwardjaw impjiegi matul dan iż-żmien u wittejna t-triq għal aktar tkabbir ekonomiku”, ikkonkluda l-Ministru Silvio Schembri.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camillei qal li dan il-gvern minn dejjem kien kommess li jgħin lin-negozji u lill-familji Maltin u Għawdxin u baqa’ jagħmel dan b’mod kontinwu. Huwa stqarr li fi żmien ta’ sfida l-Gvern kien fuq quddiem sabiex ma jintilfux l-impjiegi u minn problema rnexxielu joħloq opportunità.

Il-Ministru Camilleri tkellem ukoll dwar kif Ghawdex dan is-sajf kien l-għażla naturali tal-Maltin iżda spjega kif, “komplejna ngħinu billi f’Lulju naqqasna n-nollijiet bin-nofs sabiex Għawdex jingħażel għal vaganza mhux fi tmiem il-ġimgħa biss imma matul il-ġimgħa kollha”.

Il-Ministru Camilleri qal li s-sistema tal-vawċers li kienet waħda suċċess ma għenitx biss lill-familji jiffrankaw iżda salvat in-negozji Maltin u Għawdxin u għadd ta’ xogħlijiet fis-settur tat-turiżmu u n-negozju. Huwa temm jgħid li issa se nħarsu ‘l quddiem biex fix-xhur li ġejjin inkomplu nattiraw in-nies lejn Għawdex u niġġeneraw it-turiżmu intern.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat, stqarr li bħala assoċjazzjoni jemmnu li l-vawċer tal-€100 li ħareġ il-gvern  kien mezz ieħor li taffa u patta mhux ftit għall-effetti negattivi tal-Covid-19 fuq id-diversi setturi tat-turiżmu.

Infatti, dawn l-istabbilimenti fis-settur turistiku rrapurtaw  li l-vawċers tal-€100 kienu ta’ stimulu sabiex kellhom iktar klijentela f’dawn iż-żminijet diffiċli li għaddejjin minnhom minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Kemm l-iskema tal-vawċers kif ukoll għajnuniet oħra li ta l-gvern, b’mod speċjali lis-settur turistiku,  kienu fatturi ewlenin li wasslu sabiex is-sensji tal-ħaddiema baqgħu minimi u wkoll sabiex l-istabbilimenti turistiċi komplew l-operat tagħhom anke jekk bid-diffikultajiet bla preċedent li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19.

Share With: