Birkirkara jagħtu l-ewwel telfa lil Hamrun Spartans
Ritratt: Domnic Borg
Hamrun Spartans ….0
Birkirkara …….…..…..2
Birkirkara ġabu fi tmiemha l-mixja pożittiva ta’ Hamrun Spartans hekk kif għelbuhom 2-0 biex b’ hekk il-Karkariżi fl-aħħar kisbu l-ewwel rebħa wara bidu mill-aktar diżapputanti.
Għal Ħamrun din kienet l-ewwel telfa wara erba’ rebħiet mill-ewwel erba’ ħarġiet. Kuntrarju għal-logħbiet ta’ qabel, huma ma rnexxielhomx jimponu ruħhom fuq l-avversarji tagħhom wara li sofrew goal kmieni.
Infatti, Birkirkara fetħu l-iskor fit-tmien minuta meta minn corner ta’ Alex da Paixao Alves, Paul Mbong xeħet bir-ras għan-nofs fejn daqqa ta’ ras oħra ta’ Claudio Bonanni laqtet il-mimduda u mir-rebound, Yannick Yankam tefa’ ġewwa bir-ras ukoll.
Il-Karkariżi dehru jikkontrollaw tajjeb u Alex de Paixao ra l-konklużjoni tiegħu tiġi salvata f’żewġ tentattivi minn Sanchez. Fis-36 minuta, minn free-kick ta’ Matthew Guillaumier, id-daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Emerson Marcelina ġiet mblukkata f’ corner.
Fit-38 minuta, minn pass ta’ Mbong, Federico Falcone kkontrolla u fajjar xutt fil-baxx li ġie mċaħħad minn sieq il-lasta.
Fit-tieni taqsima Birkirkara komplew igawdu l-inizjattiva u fil-51 minuta, Francesco Verde rebaħ ballun f’tarf il-kaxxa wara clearance qasira ta’ Marcelina, ikkontrolla tajjeb qabel pprova xortih b’ xutt li ġie salvat minn Sanchez.
L-Ispartans resqu viċin il-goal tad-draw meta minn cross ta’ Guillaumier, id-difiża Karkariża kklerjat b’Joseph Mbong jiżbalja bi ftit.
Iżda fit-58 minuta, kienu Birkirkara li rduppjaw meta Paul Mbong temm azzjoni personali fuq ix-xellug b’pass lejn Federico Falcone li minn żewġ passi bogħod tefa’ fix-xibka.
L-Ispartans setgħu naqqsu l-iskor fis-76 minuta hekk kif Isaac Ntow ma rnexxielux jikklerja cross ta’ Darren Borg mix-xellug imma Juan Corbalan mill-viċin tefa’ ftit barra.
HAMRUN S.: 56-Pablo Guillermo Sanchez, 5-Matthew Guillaumier, 7-Joseph Mbong, 9-Imanol Iriberri (6-Arthur Oyama 67), 17-Franklin Olanitori Sasere, 20-Abdullahi Ige Adeshina (99-Darren Borg 67), 23-Elkin Serrano Valero, 28-Juan Carlos Corbalan, 30-Karl Micallef, 89-Marcelo Barbosa Junior, 91-Emerson Marcelina – Coach: Mark Buttigieg
BIRKIRKARA: 26-Alessandro Guranone, 8-Paul Mbong, 10-Roderick Briffa, 14-Yannick Yankam (11-Kurt Zammit 74), 17-Reginald Mbu Alidor, 20-Federico Falcone (18-Adam Camilleri 89), 21-Francesco Verde, 22-Cain Attard, 23-Claudio Bonanni, 30-Alex da Paixao Alves (7-Luke Montebello 71), 77-Isaac Toah Ntow – Coach: Andre Paus
REFEREE: Malcolm Spiteri
ASS. REFEREES: Chris Francalanza, Mark Ciantar
RABA’ UFF: Philip Farrugia
SKORERS: Y. Yankam 8, F. Falcone 58 (B)
AMMONITI: J. Mbong (B); J. Corbalan (HS)