“B’kelma tista’ tferraħ lil xi ħadd… daqs kemm tista’ tkissru psikoloġikament”

Kanzunetta ġdida minn Dr Lynn Faure Chircop; tixtieq li jinħoloq djalogu fuq diskorsi u attitudnijiet xierqa fid-soċjetà fir-rigward tas-saħħa mentali

Minn Maria Azzopardi

Fix tikkonsisti l-kampanja #togetherwithonevoice li se tkunu qed taħdmu fuqha u x’inhu l-għan warajha?

Bħala fundatriċi ta’ One Voice Malta, waqqaft pjattaforma bl-isem ta’ ‘together with one voice’ u għamilt stedina lil persuni li huma esperti fuq diversi suġġetti biex jingħaqdu miegħi u ma’ organizzazzjonijiet li l-ħidma tagħhom tkun b’mod dirett jew indirett qiegħda titratta s-suġġett inkwistjoni. 

Għalhekk, din hija inizjattiva li ġġib il-privat u entitajiet pubbliċi flimkien biex jiddiskutu temi bħas-saħħa mentali, fost il-ħafna suġġetti li se jkunu qed jitrattaw. L-għan huwa li jinħoloq spazju għal djalogu fuq diversi temi li huma kontroversjali fin-natura tagħhom u oħrajn li hemm lok għal aktar riċerka u edukazzjoni. 

Fl-okkażjoni tal-Jum iddedikat lis-Saħħa Mentali ħassejt li għandi ningħaqad ma’ esperta fil-qasam, Dr Paulann Grech, senior lecturer fl-Università ta’ Malta u ma’ Life Resources Foundation imwaqqfa minn Dr Roderick Bugeja biex jinħoloq djalogu fuq diskorsi u attitudnijiet xierqa fid-soċjetà fir-rigward tas-saħħa mentali. 

X’inhi l-istorja wara d-diska ‘I owe it all to you’?

Għall-okkażjoni tat-tnedija ta’ din il-pjattaforma fejn l-ewwel tema kienet se tkun is-saħħa mentali, offrejt kanzunetta li ktibt propju ftit minuti wara li kont smajt esperjenza ta’ xi ħadd li għaddej minn sfidi kbar ta’ saħħa mentali. 

Niftakar l-iktar li laqatni minn din l-esperjenza kien is-sens ta’ apprezzament li għandha l-persuna lejn il-maħbub tagħha. Hija tħabbat wiċċa ma’ sitwazzjonijiet fejn issibha diffiċli li tikkontrolla l-emozzjonijiet tagħha. 

Iżda bil-għajnuna tal-persuni li huma viċin tagħha, b’mod speċjali l-maħbub tagħha, tfal u ħbieb, hija jirnexxielha tegħleb dawn il-mumenti u terġa’ tibda temmen fiha nnifisha u tħares lejn l-isfida bħala parti mill-proċess tal-ħajja u tara fil-maħbub tagħha opportunità biex tkompli tistinka u ma taqtax qalbha.

Ħassejtni nħares lejn ċirkostanzi li għaddejt minnhom fil-ħajja fejn kont naqta’ qalbi. Personalment meta niltaqa’ u nisma’ esperjenzi bħal dawn nimtela b’ħafna kurġġ għaliex ninduna kemm hawn min huwa verament teżor. Kemm hawn persuni li lesti jaċċettaw anke jekk ma jkunux qed jifhmu, persuni oħra ta’ karattru, opinjoni u saħansitra kundizzjonijiet li ma jkunux facli li tgħix bihom, speċjalment jekk dan it-tip ta’ mard moħbi jibqa’ jiżviluppa f’diffikultajiet oħra li l-persuna jkollha taffaċċja. 

Il-ħajja iżda mhix kollha ward u żahar u sitwazzjonijiet anqas feliċi u persuni li mhux lesti jirrispettaw lil ħaddiehor jeżistu ukoll. Dawn jistgħu jkunu l-kaġun ta’ diffikultajiet akbar li jgħaddu minnhom persuni li jaffaċċjaw sfidi fis-saħħa mentali tagħhom. Għalhekk iddeċiedejt li mmur nibda nikteb u ndoqq fuq il-pjanu, b’dawn is-sitwazzjonijiet friski f’moħħi, u ma’ ftit battuti, ħarġet ‘I Owe It All to YOU’.

Għall-ewwel darba, ħassejt li kellha tkun produzzjoni awdjo-viswali, bit-titlu ta’ – ‘I Owe It All To You’ – miktuba u komposta minni, bil-muntaġġ ta’ George Aquilina li tħalli t-timbru tiegħi fuq dan is-suġġett delikat għaliex il-kliem juru l-vulnerabilità tal-individwu u d-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom filwaqt li qed jipprova jgħix bi problema ta’ saħħa mentali. 

Se nfittxu jiġu indirizzati dawk il-kliem u attitudnijiet relatati mas-saħħa mentali, li huma oppressivi u se naħdmu biex jinħolqu linji gwida fuq kif nitkellmu fuq is-saħħa mentali b’mod iktar uman

Kemm tara li l-mużika tikkumplimenta wkoll il-karriera professjonali tiegħek?

Dan l-aħħar meta ltqajt ma’ Dr Paulann Grech u Dr Roderick Bugeja, żewġ senior lecturers, kienet ġibda naturali għalija li niddedika ħin u enerġija tiegħi f’lejliet il-Jum iddedikat lis-Saħħa Mentali, biex nisma’ aktar minn għandhom u esperti oħra fil-qasam li ġew magħna fuq din il-pjattaforma, dwar l-isfidi u l-mod kif tista’ bil-kelma tagħmel differenza fil-ħajja ta’ persuni b’diffikultajiet ta’ saħħa mentali. 

L-espressjoni tagħhom meta semgħu ‘I Owe It All To You’, kienet qawwija u ħassew li l-mużika u l-kliem jolqtu l-għanijiet li konna qed nitkellmu dwarhom u l-istess irreaġixxew il-panel li ingħaqdu magħna għall-ewwel inizjattiva ta’ #TogetherWithOneVoice 

Nemmen li l-bniedem għandu jipprattika t-talenti kollha meta dawn iħallu effetti sbieħ fis-soċjetà. Mhux possibli għalija li ma nkunx kreattiva fil-mod kif naħseb u nuża’ mezzi li naf li jwassluni biex npoġġi fil-prattika dak li nemmen li huwa bżonn fis-soċjetà. 

Kif tħoss li tista’ tagħmel aktar għarfien fuq is-saħħa mentali? Taħseb li hawn għarfien biżżejjed dwar dan? Min liem problemi forsi ġieli rajt li jbatu minnhom persuni bi problemi ta’ saħħa mentali?

Matul ix-xogħol tiegħi jiena nisma’ ħafna problem. Huwa parti mill-proċess li nikkonsla lil ħaddiehor u nżomm dak li nisma’ kunfidenzjali. Pero huwa naturali li ċertu sitwazzjonijiet jolqtuni aktar minn oħrajn. Inħoss għal persuni li jkunu jixtiequ jirranġaw sitwazzjoni iżda ma jkollhomx is-saħħa li jagħmlu dan. 

Ta’ kuljum niltaqa’ u nitkellem ma’ professjonisti oħra li ġejjin minn oqsma differenti fis-soċjetà, esperti f’diversi suġġetti. Nitrattaw il-każijiet li niltaqgħu magħhom u naraw kif nistgħu nsolvuhom jew intaffu mid-diffikultajiet li jkollhom l-individwu li jiġu jitkellmu magħna. 

Is-soluzzjoni li noffru mhux dejjem tkun fil-kontroll tagħna li titwettaq għaliex tkun tiddependi fuq terzi persuni li jmexxu xi servizz jew oħrajn li bir-rieda tajba jkunu jistgħu jaslu għal kompromess. 

Hemm attitudnijiet li jkunu qed iwasslu messaġġ indirett lil persuna milquta. Dan ifisser li l-mod kif jindirizzawha jindika ħafna drabi li jkun hemm nuqqas ta’ għarfien fuq il-saħħa mentali.

Dan joħroġ ħafna drabi mill-fatt li ħafna persuni, li taħkimhom id-dipressjoni fost il-ħafna diffikultajiet li jintlaqtu bihom individwi li għandhom sfidi relatati mas-saħħa mentali, jesprimu x-xewqa li jkollhom ma’ min jitkellmu. Huwa rari li jsibu persuna li tisma’ u tfihem dak li qed iħoss ħaddiehor għaddej minn sfidi kbar li ma jidhrux u li setgħu jiġu ikkagunati minn raġunijiet varji. 

Kemm temmen li l-kliem ta’ kif wieħed jirreferi għal persuni bi problemi ta’ saħħa mentali għandu jinbidel? X’suġġerimenti għandek f’dan ir-rigward?

Se nfittxu jiġu indirizzati dawk il-kliem, attitudnijiet u prassi relatati mas-saħħa mentali, li huma oppressivi u dispreġġattivi u se naħdmu biex jinħolqu linji gwida fuq kif nitkellmu fuq is-saħħa mentali b’mod iktar uman.

Kliem bħal… ‘int miġnun’….’inti mhux normali’…. ‘int m’aħniex’…. ‘qed titlifha’…. ‘kemm tgħaġġibhom’…. ‘dak mhux qiegħda sew minn moħħu’….

Meta tinduna li xi ħadd ikun għaddej minn diffikultà, tkunx kattiv u tieħu vantaġġ mis-sitwazzjoni għaliex il-persuna vulnerabbli taf tħoss

Żgur li hemm ħafna aktar frażijiet li min qed isegwina sema’ f’xi żmien jew ieħor. Għalhekk qed nitolbu għaqdiet u persuni milquta minn mard mentali u l-familjari tagħhom biex ituna l-feedback dwar il-mod kif iġibu ruħhom nies fis-soċjetà, kemm qabel kif ukoll wara li jsiru jafu dwar il-kundizzjoni tagħhom. 

Il-pjattaforma se tkun qed tagħmel enfażi fuq attitudnijiet. Tkun xi tkun ir-raġuni, xorta waħda meta jsir dan it-tip ta’ diskors, il-kelma tkun weġgħet lil persuna l-oħra u ħafna drabi ma jkunx fehem jekk għamilx xi ħaġa ħażina jew le. 

Dik it-tip ta’ kommunikazzjoni ma ġġibx riżultati tajbin u żgur li se niskopru aktar dwar x’għandu jiġi evitat u x’għandu jintqal f’ċirkostanzi partikolari, kemm verbalment kif ukoll bil-kitba.

Għalhekk nemmen li din l-inizjattiva #TogetherWithOneVoice hija pjattaforma kollaborattiva bl-għan li flimkien ma’ għaqdiet bħal Life Resources Foundation se tressaq proposti lil gvern Malti, Istituzzjonijiet u Regolaturi fil-qasam tas-Saħħa biex:  Jiżdied l-għarfien u l-edukazzjoni fuq is-saħħa mentali; jiġu indirizzati dawk il-kliem, attitudnijiet u prassi relatati mas-saħħa mentali, li huma oppressivi u dispreġġattivi; u jinħolqu linji gwida fuq kif nitkellmu fuq is-saħħa mentali b’mod iktar uman.

Kemm tara biex id f’id nistgħu nimxu ‘l quddiem fejn tidħol edukazzjoni f’dan is-suġġett u anke fejn tidħol għajnuna kemm lil persuni konċernati u b’mod ġenerali bħala poplu?

Jien konvinta li meta fil-kollettiv ninġabru biex niddiskutu tema, li għalkemm ikun hemm perspettivi varji dwar x’jista’ jkun li jikkawża dawn id-diffikultajiet, żgur li jkun hemm qbil fuq il-bżonn li jinstabu s- soluzzjonijiet li jħallu effetti pożittivi u jnaqqsu l-kruha u l-isfidi li jiltaqgħu magħhom il-persuni li jgħaddu minn problem ta’ saħħa mentali. 

Kemm il-kollegi u professjonijiet mill-Università ta’ Malta li jħarġu u joffru l-mezzi u l-għodda lil min jrid jaħdem f’dan is-settur kif ukoll il-voluntiera kollha li joffru s-servizzi tagħhom fil-komunità permezz ta’ proġetti umanitarji u soċjali, huma determinati li jikkollaboraw u jkomplu jitħarġu fuq mezzi kif it-tbatija kkaġunata minn mard mentali tista’ tiġi mitigata. 

L-għarfien u l-attitudnijiet huma l-ewwel pass biex wieħed jibda proċess biex b’mod ġenerali bħala poplu mhux biss nitkellmu dwar is-solidarjetà iżda nibdew inpoġġuha fil-prattika.  

Għandek xi appell li tixtieq tgħaddi?

Meta tinduna li xi ħadd ikun għaddej minn diffikultà, tkunx kattiv u tieħu vantaġġ mis-sitwazzjoni għaliex il-persuna vulnerabbli taf tħoss. Skuża ruħek u pprova poġġi lilek innifsek fis-sitwazzjoni ta’ min għandu sfidi u diffikultajiet ta’ saħħa mentali. Dawn id-diffikultajiet jistgħu jittaffew b’komfort u mħabba minn dawk li jinsabu madwar il-persuna. Bil-kelma tista’ tferraħ u timla lil xi ħadd bil-kuraġġ daqs kemm tista’ tkissru psikoloġikament u emozzjonalment. Qatt tagħmel dak li ma tridx li jagħmlu lilek.   

Segwi l-progett fuq #TogetherWithOneVoice: https://www.facebook.com/DrLYNN.mt u https://www.facebook.com/onevoice.mt. Sib il-link ta’  ‘’I Owe It All To You’: https://business.facebook.com/DrLYNN.mt/videos/340772043844230/

Share With: