Boris Johnson mistenni jirriżenja “għax mhuwiex jaqla’ biżżejjed”

Il-Prim Ministru Boris Johnson mistenni jirriżenja fir-rebbiegħa minħabba li qed jaħseb li l-paga annwali tiegħu hija wisq baxxa.

Johnson allegatament ilmenta mal-kollegi tiegħu li ma jistax jgħix bil-paga annwali tiegħu ta’ €165,000 u li kien jaqla’ aktar minn hekk qabel ħa din il-kariga f’Lulju tas-sena li għaddiet.

Ftit qabel inħatar Prim Ministru huwa kien jaqla €25,000 fix-xahar għall-kitba tiegħu fil-ġurnal The Telegraph. Skont Mirror f’xahar minnhom qala €175,000 ta’ żewġ diskorsi li għamel.

Minkejja dan jidher li Johnson jidher li jixtieq jibqa’ ftit tax-xhur oħra sabiex jilħaq ftehim dwar Brexit u jgħin il-pajjiż f’din l-agħar fażi tal-pandemija.

Fost l-ispejjeż li semma, il-Prim Ministru tar-Renju Unit qal li fost is-sitt uliedu hemm minnhom li għadhom jiddependu minnu finanzjarjament u għandu jħallas ukoll lill-eks martu Marina Wheeler bħala parti mill-ftehim tad-divorzju.

Share With: