Bżonn ta’ grupp ta’ sostenn għal wara operazzjoni

Melanie Abela bi ħsieb li xi darba tgħin lill-persuni li neħħew tumur minn rashom permezz ta’ grupp apposta

Miktub minn CARMEN CACHIA, Ritratt: ALAN SALIBA                  

Meta ftit tal-jum ilu Melanie Abela, mart il-Ministru Carmelo Abela, reġgħet kitbet fuq il-midja soċjali biex tfakkar l-għeluq ta’ sena mill-operazzjoni delikata li kellha biex tneħħi tumur kbir minn rasha, hija rċeviet ħafna messaġġi minn persuni li għamlu operazzjoni simili. Melanie, li llum il-ġurnata tinsab tajba, tħoss li għall-uġigħ jew għad-diffikultajiet li persuna jkollha wara operazzjoni hemm bżonn ta’ grupp ta’ sostenn biex mhux kull darba joqogħdu jċemplu lit-tabib.

F’intervista ma’ L-ORIZZONT hija tirrakkonta l-istorja tagħha dwar meta, kif u x’ġara wara li skopriet li ħajjitha hija mhedda minn tumur kbir f’rasha li mbottalha moħħha fuq naħa waħda. Melanie tgħid li hemm ħafna tipi ta’ tumuri u mhux kull każ huwa l-istess. It-tumur fir-ras mhuwiex każ rari u f’pajjiżna hemm persuni li għaddew minn din it-trawma. Fost dawn hemm min baqa’ jsofri konsegwenzi, mentri ħaddieħor saħansitra tilef ħajtu. 

Din il-mara eżemplari temmen li f’Malta għandna bżonn ta’ support group biex wara l-operazzjonijiet ikun hemm ukoll għajnuna psikoloġika, għarfien dwar sintomi, kif ukoll spjegazzjoni dwar uġigħ li jħossu. Melanie m’għandhiex xi tgerger mit-tobba Maltin u tfaħħar lill-kirurga barranija u t-tim tagħha, imma tħoss ħtieġa kbira ta’ grupp fejn jinqasmu esperjenzi minn pazjenti għal pazjenti.

“Forsi nħoss uġigħ f’rasi. Allura kull darba se noqgħod inċempel lit-tabib biex nara jekk huwiex sintomu normali? Nemmen li hemm bżonn tip ta’ għajnuna għal wara l-operazzjoni għalkemm fl-isptar jgħidulek li jinqala’ x’jinqala’ tista’ taqbad u tmur,” spjegat Melanie. 

Hawnhekk hija semmiet lil Jacob, “The Titanium Man”, li ħareġ ktieb u ħadet gost taqrah ħafna għax, “meta tara kif xi ħadd għadda minn esperjenza simili, tagħmel kuraġġ. Dan ikun qiegħed ikellmek dwar dak li ħass u x’għadda minnu huwa personalment”.

Melanie daħlet f’support group barrani u kuntenta bil-feedback siewi li jagħtuha. Huwa proprju għalhekk li xi darba hija stess tixtieq tagħmel grupp lokali ta’ dan it-tip. Għalkemm għadha ma tafx kif se tasal għalih, hija determinata li f’xi mument tasal. 

Sadanittant lill-persuni li għaddejjin minn sitwazzjoni bħal ta’ Melanie, hija tixtieq tagħmlilhom kuraġġ u tgħidilhom biex jippruvaw jaċċettaw is-sitwazzjoni għax jekk ma jaċċettawhiex, mhux se jkunu jistgħu jimxu ‘l quddiem. Il-parir ta’ Melanie huwa li, “jekk se toqgħod titħassar lilek innifsek u ma tagħmilx dak il-pass, is-sitwazzjoni se tkun iebsa d-doppju. Għalhekk aċċetta, imxi ‘l quddiem, fittex grupp ta’ sostenn u għix il-mument”. 

L-intervista sħiħa ma’ Melanie Abela se tidher fil-ħarġa ta’ għada ta’ L-ORIZZONT u fuq is-sit Inewsmalta.

Share With: