Christian Coleman sospiż milli jieħu sehem fl-Olimpjadi ta’ Tokjo

Iċ-champion tal-100 metru, Christian Coleman, mhux ser jieħu sehem fl-Olimpjadi ta’ Tokjo tas-sena d-dieħla wara li ġie sospiż għal sentejn mill-Athletics Integrity Unit. Coleman kien diġà kellu problemi personali mal-AIU wara li s-sena li għaddiet m’għamilx tliet testijiet tad-doping.

Quddiem it-tribunal tad-dixxiplina, l-uffiċjali tad-doping qalu li kienu quddiem id-dar ta’ Coleman, fid-9 ta’ Diċembru 2019 bejn is-7.15 pm u t-8.15 pm, imma l-atleta baqa’ ma rritornax f’daru.

Min-naħa tiegħu Coleman qal li mar jixtri r-rigali tal-Milied, imma saħaq li wasal f’daru ftit qabel ma għaddiet is-siegħa li l-uffiċjali kienu ilhom jistennew quddiem id-dar tiegħu. Mir-riċevuti li kellu Coleman deher ċar li minn tal-inqas xtara 16-il oġġett mill-Walmart Supercenter fit-8.22pm u allura l-evidenza tal-atleta ma kinitx aċċettata.

Is-sospensjoni ta’ Coleman ser tintemm fit-13 ta’ Mejju, 2022 imma jista’ jappella mid-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Arbitraġġ Sportiv.

Share With: