Comodini Cachia tappella lill-Gvern jgħin lill-media

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia, li hija x-Shadow Minister tal-Ministru Josà Herrera, appellat lill-Gvern biex jgħin b’mod finanzjarju lill-mezzi tax-xandir biex is-sitwazzjoni tagħhom titjieb u għamlitha ċara li ma tridx tara telfien ta’ impjiegi f’dan il-qasam.

Hija saħqet dwar dan meta kienet qed tindirizza is-seduta tal-Ħamis filgħodu li fiha ġew diskussi l-estimi finanzjarji mħabbrin fil-budget fir-rigward tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, Arti u Gvern Lokali

Comodini Cachia qalet li s-sitwazzjoni tal-mezzi tax-xandir f’pajjiżna kienet diġà ħażina qabel il-pandemija u l-Covid19 kompla ħoloq iktar problemi lil dan is-settur.

Waqt li irrikonoxxiet li l-Gvern ta għotjiet lill-mezzi tax-xandir biex iħallsu l-pagi hija nsistiet li mhux biss għandu jibqa’ jagħtihom imma jżid l-‘allowances’ skont in-numru ta’ impjegati.

Hija issuġġeriet ukoll li l-istudenti jkollhom aċċess għall-media b’xejn waqt li esprimiet it-tħassib tagħha li s-sitwazzjoni li tinsab fiha tista’ twassal għal tnaqqis fil-kwalità tal-ġurnaliżmu lokali.

Dwar il-qasam tal-kultura sostniet li l-Budget 2021 huwa nieqes minn viżjoni u anke hawn wissiet dwar il-futur ta’ dawk li jaħdmu fih speċjalment jekk ma jiġux mgħejjuna f’dan iż-żmien ta’ pandemija.

Għalkemm irrikonoxxiet li hemm inizjattivi fil-budget dwar il-qasam id-deputat Nazzjonalista nsistiet li dawn huma sparpaljati u dawk involuti fis-settur mhux jifhmu kif huma relatati ma’ xulxin.

Share With: