Covid-19: Il-lockdows jirritornaw hekk kif l-Ewropa tiffaċċja t-tieni mewġa ta’ infezzjonijiet

Tnejn mill-akbar ekonomiji Ewropej qed idaħħlu mill-ġdid forom ta’ lockdown nazzjonali, hekk kif il-kontinent qed jiffaċċja żieda fil-każi u mwiet kaġun tal-coronavirus.

Minn għada n-nies fi Franza se jitħallew joħorġu mid-dar għal xogħol essenzjali jew raġunijiet mediċi biss.

Il-President Franċiż Emmanuela Macron qal li l-pajjiż jinsab f’riskju li jinħakem u jitlef il-kontroll tat-tieni mewġa ta’ infezzjonijiet ta’ Covid-19 “li mingħajr ebda dubju se tkun aktar ħarxa mill-ewwel waħda”.

Intant il-Ġermanja se tkun qed timponi lockdown nazzjonali inqas sever.

Il-miżuri l-ġodda se jkunu qed jiddaħħlu fis-seħħ min nhar it-Tnejn li għadda u jinkludu l-għeluq ta’ restoranti, bars, gyms u teatri.

Ir-rata ta’ infezzjonijiet qed tiżdied b’mod sinjifikanti madwar l-Ewropa, inkluż fir-Renju unit fejn ilbieraħ tħabbru 310 imwiet oħrajn u kważi 25,000 każ ġdid. Studju ġdid li kien ippubblikat juri li fl-Ingilterra biss, kważi 100,000 persuna qed tiġi infettata bil-virus kuljum.

Fl-istess waqt l-imwiet fi Franza laħqu l-ogħla livell rapportati sa minn April li għadda, bil-bieraħ il-Ministeru għas-Saħħa jirrapporta ’il fuq minn 36,000 każ u 244 imwiet.

Uffiċjali tas-saħħa fil-Ġermanja llum qalu li 89 persuna kienu mietu matul dawn l-aħħar 24 siega kaġun tal-Covid-19, filwaqt li kienu reġistrati rekord ta’ 16,774 każ.

“Ninsabu fit-tieni mewġa ta’ infezzjonijiet,” qalet il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen. “Naħseb li il-Milied ta’ din is-sena se jkun Milied differenti minn dawk li solitament niċċelebraw.”

Share With: