“Dak li kellu jkun l-ewwel budget tiegħi kien ir-raba’ budget f’disa’ xhur” – Il-PM

F’attività politika f’Għawdex, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela qal li dak li kellu jkun l-ewwel budget tiegħu, kien ir-raba’ budget f’disa’ xhur. Erba’ budgets li b’injezzjoni ta’ €2.7 biljun, salvaw mal-mitt elf impjieg u wasslu biex illum f’Malta hawn l-inqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha fiż-Żona Ewro.

Fost l-oħrajn, il-budget ppreżentat it-Tnejn kien l-aqwa budget fl-istorja, it-tieni budget b’żieda fiċ-children’s allowance, it-tielet budget b’ammont rekord ta’ investiment fl-infrastruttura u r-raba’ budget bla ebda taxxa ġdida.

“F’mument ta’ diffikultà, aktar qassamna. Qalulna li tlifna r-ruħ soċjali. Huwa budget ta’ prinċipju għaċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom illum, li tista’ tqabbilhom ma’ dak li kellna fl-2008 u fl-2009, meta kellna kriżi ekonomika. Illum għandna kriżi ekonomika, soċjali u medika. Id-differenza hi li dakinhar kellna Gvern Nazzjonalista. Dakinhar il-piż inxteħet fuqkom, illum f’ċirkostanza ħafna aktar diffiċli, il-piż refgħu l-Gvern.”

Il-Prim Ministru nnota li filwaqt li ppreżenta budget b’saħħtu u tliet pakketti finanzjarji b’miżuri li salvaw l-impjiegi u n-negozji, dan il-Gvern ħadem ukoll bil-galbu.

“Ħdimna bil-galbu għax ħallejna wkoll riżervi. Filwaqt li ħafna qalulna biex inqassmu kollox f’daqqa, aħna rajna li ċ-ċirkostanza tal-lum tista’ ddum ġimgħat, xhur u lil hinn minn hekk u għalhekk rajna li tlaqna b’riżervi mimlijin u ma nqassmux kollox f’daqqa. Dan riżultat tal-għaqal ta’ dawn is-seba’ snin, li dejjem ġemmajna u ħsibna għal meta jkollna mument diffiċli. U hekk ġara llum, ġie mument diffiċli u sab Gvern preparat u meta ġejna biex infasslu l-pakketti finanzjarji tagħna, żammejna l-prinċipju biex ninċentivaw lin-nies u lin-negozji.”

Robert Abela saħaq li f’pajjiżna hawn sens ta’ serenità li hemm Gvern li jaf x’qed jagħmel, imma appella għar-responsabbiltà u d-dixxiplina.

“Jiddispjacini nara xena bħal dawk ta’ tlett ijiem ilu. Aħna nagħmlu l-miżuri, u jkun hemm min ikun irresponsabbli u ma jifhimx is-serjetà tas-sitwazzjoni. Nagħmlu restrizzjoni bħall-għeluq tal-bars f’ċertu ħinijiet, u jkollok min wara l-ħin tal-għeluq, minflok jinġabar f’daru jinġabar f’massa. Dan hu l-messaġġ li nixtieq inwassal illum. Għandna sitwazzjoni li hija taħt kontroll imma ma nistgħux nillaxkaw fiha. X’se nkunu qed nagħmlu flimkien huwa dak li jiddetermina l-futur tagħna għall-ġimgħat li ġejjin. Se jiddetermina kemm se jkollna nżidu restrizzjonijiet jew nibqgħu għaddejjin bil-ħajja normali tagħna filwaqt li nippreservaw il-ħajja tan-nies. M’hemmx kompromessi mas-saħħa tan-nies. Dejjem sħaqt fuq li jinżamm bilanċ bejn l-ekonomija u s-saħħa. Kemm dak il-bilanċ se jibqa’ jinżamm jiddependi minn kemm kull wieħed u waħda minna jkunu responsabbli.”

Il-Mexxej Laburista qal li jinsab kburi li qed imexxi lill-pajjiż f’dan il-mument, li ħareġ biċ-ċar kemm aħna poplu b’saħħtu u solidali ma’ xulxin.

Żied li l-aktar mument kritiku huwa l-aktar perjodu li dan il-Gvern qed jagħti inċentivi, fosthom il-vouchers ta’ mitt ewro. Din l-iskema waħedha tiswa ħamsin miljun ewro.

Robert Abela fehem ukoll li jeżisti sens ta’ inċertezza fost in-nies.

“Kulħadd qed jistenna u jgħid “iġri jgħaddi kollox”. Jien nagħmlilkom il-kuraġġ għaliex mhux biss urejna li għandna Gvern preparat għal kull kontinġenza, imma preparati wkoll għal meta f’Diċembru u Jannar li ġej ikun hemm il-vaċċin disponibbli biex aħna nkunu minn tal-ewwel li jkollna dan il-vaċċin għalikom. Ħaddieħor kien ikellimna bil-mediċini out of stock. Aħna għandna lil Chris Fearne li f’Marzu li għadda kien katalista fuq livell Ewropew biex aħna jkollna l-vaċċin tal-ewwel. Dik hi d-differenza.”

Il-Prim Ministru tenna l-kburija tiegħu bil-ħidma tal-Kabinett, u qal li huwa ta’ privileġġ għalih li ġie fdat biex imexxi lill-pajjiż f’dan il-mument. Tkellem ukoll dwar il-viżjoni tiegħu għall-għaxar snin li ġejjin, fosthom għal Għawdex.

“Noħlom dwar Għawdex li joffri l-opportunitajiet biex iż-żgħażagħ Għawdxin ikollhom il-futur tagħhom f’Għawdex. Ikollhom l-għażla li mhux bilfors iridu jinżlu Malta għall-opportunitajiet imma li Għawdex joffri l-istess opportunitajiet li tagħti Malta.”

Robert Abela qal li l-ħidma tiegħu u tal-Gvern tibqa’ msejsa fuq id-djalogu man-nies u fuq it-teħid tad-deċiżjonijiet.

“Għad trid tkun l-istorja li tiġġudikana…X’se jkun il-ġudizzju fuqi? Li ħrabt mid-deċiżjonijiet? Li bżajt nieħu d-deċiżjonijiet? Jew se jkun ġudizzju li fl-aktar mument diffiċli, urejna kemm l-Għawdxi u l-Malti hu verament kbir u qalbieni? Dak hu l-ġudizzju li nixtieq. Mhux ġudizzju ta’ tifħir imma ġudizzju li f’mument meta l-pajjiż sejħilna, aħna konna hemm għalih. Mument meta l-poplu talab li jkollu Gvern li jgħaddih mill-maltemp, sab Gvern li wieġeb u rrisponda.”

Il-Mexxej Laburista qal li l-imħabba li rċieva mingħand in-nies fl-aħħar xhur imlietu b’kuraġġ biex jibqa’ jaħdem għall-poplu Malti u Għawdxi għaliex il-Gvern li jmexxi hu, huwa Gvern tad-djalogu, tal-prinċipji, tal-onestà, tal-irġulija u tar-rispett.

“Nhar it-Tlieta se nkomplu nespandu fuq il-viżjoni li għandna, l-għaxar snin li ġejjin. Inwiegħdkom ħafna aktar ħidma, ħafna iżjed impenn, ħafna iżjed dedikazzjoni. Il-qalb se tkun qed tmexxina fix-xhur li ġejjin, xhur importanti għal pajjiżna li qed iqarrbuna għal test elettorali importanti iktar minn testijiet oħra għaliex dan se jkun il-mument li n-nies mhux se jagħmlu biss ġudizzju fuq min hu l-Gvern li kapaċi jmexxih fiż-żmien meta l-ekonomija sejra tajjeb, imma dwar xi stil ta’ politika jridu fis-snin li ġejjin… Ejja ħa nimxu ’l quddiem, għandna xhur difficli imma se nuru kemm aħna verament b’saħħitna u ffukati u nemmen li fl-akbar mument ta’ sfida, il-poplu se juri l-isbaħ kwalitajiet tiegħu.”

Share With: