DataDear: Proġett ieħor megħjun mill-MCST – soluzzjoni cloud għas-settur finanzjarju

Professjonisti fil-qasam tal-finanzi u n-negozju li għaddejjin minn transizzjoni għall-cloud, issa jistgħu jibbenifikaw minn DataDear – proġett li rċieva €161,000 f’fondi mogħtija permezz ta’ FUSION, il-programm nazzjonali tar-Riċerka u l-Innovazzjoni li huwa amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST). It-Teknoloġija ġiet żviluppata mill-konsorzju ta’ DataDear, irrappreżentati minn Scope Solutions u l-Università ta’ Malta.

L-attività msejħa DataDear: Empowering Finance Professionals ittellgħet nhar il-Ġimgħa t-23 t’Ottubru fil-binja tal-Planetarium ġewwa l-Esplora, iċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza, li jinsab il-Kalkara.  Għal dan l-avveniment attendew diversi professjonisti mill-industrija tal-finanzi li setgħu jaraw kif taħdem din is-sistema fejn kellhom ukoll l-opportunità li jipparteċipaw f’diskussjoni interattiva li għaliha kien iffurmat panel kompost minn Dana Farrugia -CEO Tech MT, Steve Ginell – Partner PWC, Andrew Naudi – Partner Nouv, Beppe Muscat – NM group u Brian Ferris – Partner Scope.

Tul dawn l-aħħar għaxar snin id-dinja tax-xogħol esperjenzat qabża kbira mill-użu ta’ software tradizzjonali għal dak li huwa bbażat fuq il-cloud,  li jirreferu għalih ukoll bħala SaaS (software as a service). Din il-bidla nħasset aktar bis-sitwazzjoni kurrenti tal-COVID-19, li naturalment għaġġlet il-proċess għal diversi kumpaniji. Scope identifikaw din il-bidla minn ħafna qabel, propju mill-2013 u bdew jagħtu pariri u għajnuna dwar kif għandek timplimenta soluzzjoni cloud. Scoperaw kif diversi partijiet interessati kienu f’pożizzjoni li jistgħu jinfluwenzaw l-użu ta’-proċessi bbażati fuq il-cloud. Għaldaqstant, ħadmu sabiex isaħħu u jagħtu l-possibiltà lil dawk il-professjonisti mid-dinja finanzjarja u tan-negozju sabiex iħaddnu din-it-teknoloġija ħalli jmexxu l-intrapriżi tagħhom ’il quddiem.

Brian Ferris, wieħed mill-imsieħba ta’ Scope, qal li “permezz tal-ħidma ta’ Scope ma’ professjonisti partikolarment fil-qasam tal-finanzi għal soluzzjonijiet cloud, ftit tas-snin ilunħolqot opportunità, li mbagħad ingħatat il-ħajja permezz ta’ DataDear, f’forma ta’ prodott SaaS li hu sinerġetiku u integrat. DataDear issa kiber, u bħalissa qed jagħti servizz lil eluf ta’ professjonisti fis-settur madwar id-dinja kollha. Dan enfasizza l-preżenza ta’ Malta bħala attur strateġiku fl-industrija fintech.”

L-intrapriżi żgħar u medji ilhom għal żmien twil jaħdmu għal rashom bi strutturi u proċessi tradizzjonali. Fid-dinja tal-lum, dawn l-istrutturi qed jiġu mbiddla b’software li juża l-cloud. Għal dawk il-kumpaniji li għadhom qed jibdew din it-transizzjoni tistà tkun relattivament faċli, iżda għal dawk l-entitajiet li ilhom stabbiliti għal żmien twil din il-bidla tista’ tkun ferm aktar diffiċli. Numru ta’ riċerkaturi stabilixxew li waħda mir-raġunijiet li dawn l-intrapriżi medji u żgħar idumu biex jaqilbu għall-mudell SaaS huwa minħabba li “l-proċessi tagħhom ikunu daħlu fil-fond tal-operat tagħhom ta’ kuljum, speċjalment meta qed nitkellmu fuq proċessar ta’ data għall-analizzar u rappurtaġġ.” Ir-riċerka turi wkoll li software li juża spreadsheet jista’ jkun wieħed mis-softwares l-aktar użati għall-ġbir u wiri ta’ data. Accountants u propjetarji ta’ intrapriżi huma familjari ħafna mas-software tal-ispreadsheet. Minkejja r-riskji li huma assoċjati mal-operat li ġġib magħha din l-għodda versatili ħafna, bla dubju ta’ xejn jeżistu  wkoll benefiċċji meta mħaddma bil-għaqal.

Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dott Jeffrey Pullicino Orlando, awgura lill-konsorzju tal-proġett DataDear għal kisbiet notevoli tagħhom u faħħar is-sinerġija u dinamiżmu tal-parteċipanti. Fl-indirizz tiegħu irrefera wkoll għas-sapport finanzjarju li l-Kunsill qed jagħti sabiex ikompli jissaħħaħ is-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni: “Il-momentum li ġie ġġenerat minn dan il-livell ta’ ambizzjoni huwa kruċjali għall-mekkaniżmu wara l-programm nazzjonali FUSION. Ninsabu kburin li, sena wara sena, in-numru ta’ applikanti li qed jibbenefikaw mill-fondi nazzjonali dejjem qed jiżdied. Bil-fondi li qed jingħataw, dawn l-applikanti qed jirnexxilhom iwettqu l-ideat tagħhom u jiksbu s-suċċess.”

Fl-indirizz tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali l-Onorevoli Clayton Bartolo,  enfasizza li l-objettiv tal-proġett DataDear huwa li joħloq sensiela ta’ għodod innovattivi li jgħinu l-intrapriżi żgħar u medji fit-transizzjoni tagħhom lejn il-cloud, mingħajr ma jkollhom jerġgħu joħolqu proċessi u rapporti ġodda. Dan ikunu jistgħu jagħmluh fl-istess waqt li jitrasferixxu d-data mis-software familjari tagħhom bħal spreadsheets għall-cloud.

“Dan il-għan intlaħaq permezz ta’ sistema sinkronizzata bejn data li tinsab fil-cloud u oħra li qed tintuża b’mod tradizzjonali. Din is-sistema se tiffaċilita trasferimenti ta’ data f’ambjent ikkontrollat. Dan kollu merħba għal DataDear,” qal is-Segretarju Parlamentari, Clayton Bartolo. 

Share With: