“Destin kiefer … Irbaħna promozzjoni għall-ewwel diviżjoni u ntgħażel bħala top scorer u l-aqwa plejer tad-Diviżjoni” – Il-President ta’ Birżebbuġa Tigers

Minn Victor Vella

“Destin kiefer. Kien ilu biss ftit jiem jaħdem f’dak il-maħżen, lanqas kien għadu għalaq it-tliet ġimgħat. Inqala’ inċident u tlifnih. Ma tista’ tgħid xejn fih. Kien ġentlom. Edukat.” Dan sostnieh ħabib personali ta’ Abel Ebube ta’ 24 sena, li proprju nhar l-Erbgħa filgħaxija tilef ħajtu f’inċident f’maħżen fl-Imġarr. 

F’kummenti lil dan is-sit, il-President ta’ Birżebbuga Tigers, Carlo Stivala, iddeskriva lil Ebube bħala persuna responsabbli ħafna. Ebube, sas-sena li għaddiet kien jilgħab ma’ Birżebbuġa Tigers. Carlo Stivala qalilna li “Abel, kien plejer mill-aqwa li għal dan l-istaġun li qiegħed magħna kien jitqies u rikjest min diversi klabbs fl-aqwa diviżjoni tal-MFA. Bħala Birzebbuga Tigers FC, ltqajna miegħu l-Marsa waqt logħba futbol 7 a side.
F’dik il-logħba Ebube spikka u spikka tant waqt din il-partita, li bħala klabb tkellimna u xtaqna is-servizzi tiegħu. Ebube hu persuna li dejjem tarah ġej fil-ħin u b’responsabilità lagħab mal-klabb tagħna għas-snin 2018 u 2019. F’dak l-istaġun irbaħna Promozzjoni għall-Ewwel Diviżjoni, fejn Abel skurja 14-il gowl. Fil-fatt hu kien it-top scorer tad-Diviżjoni u anke ‘l-aqwa plejer’ tad-Diviżjoni.” 

Ebube tilef ħajtu meta kien qed iħott xi folji tal-ħadid, u l-ħadid waqa’ fuqu. Dan seħħ fi Triq il-Ħaddedin, fl-Imġarr, għall-ħabta tal-5.30 p.m. ta’ nhar l-Erbgħa. 

Huwa ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post. Oriġinarjament, Ebube kien jgħix fl-Italja u ġie f’pajjiżna fl-aħħar snin. 

Share With: