Draw ta’ mingħajr goals bejn Zejtun C. u Balzan
Zejtun C. ……0
Balzan …….…0
F’partita li ftit offriet spettaklu, Balzan sfaw miżuma fi draw ġust ta’ bla goals minn Zejtun Corinthians, f’partita li fiha Balzan kienu l-aħjar team fl-ewwel taqsima iżda wara l-mistrieħ Zejtun wettqu reazzjoni tajba u għalkemm naqsu milli jipproduċu attakki perikolużi, kienu huma l-aktar organizzati tattikament f’kull dipartiment tal-ground.
Wara r-rebħa impressjonati ta’ 3-2 fuq Birkirkara, dan kien punt ieħor prezzjuż miksub mill-Corinthians li issa għandhom total ta’ sebgħa filwaqt li Balzan għandhom tnejn aktar.
B’hekk, kollox ma’ kollox, dan ikompli jikkonferma l-bidu pożittiv għal Zejtun li partita wara l-oħra, qed joffru oppożizzjoni denja lil kull team, saħansitra dawk aktar ikkwotati minnhom bħal ma huma Balzan li min-naħa tagħhom jekk iridu jiksbu post fl-Ewropa jew jisfidaw għar-rebħ tat-titlu, iridu jipproduċu wirjiet ferm aħjar minn din.
Dan hekk kif it-tragwardi ta’ dawn iż-żewġ timijiet huma diversi, bil-għan ewlieni tal-Corinthians ikun dak li jżommu posthom mal-elite tal-football Malti għal staġun ieħor waqt li Balzan għandhom il-mira li jżommu l-pass mat-timijiet ta’ fuq.
Kienu Balzan li ħolqu l-ewwel periklu fl-14-il minuta meta Suleiman Jalu kellu xutt fil-baxx salvat b’diffikultá mill-goalkeeper Christian Cassar.
Huma komplew jattakkaw u fit-28 minuta kienu sfortunati li ma fetħux l-iskor meta free-kick insidjuż ta’ Steve Pisani stampa mal-wieqfa.
Zejtun wieġbu fit-32 minuta permezz ta’ Kemar Reid li kellu xutt qawwi li ntemm ftit barra. Fl-44 minuta, Dylan Agius, dejjem għall-Corinthians, kellu free-kick li ġie mdawwar f’corner mill-goalkeeper Sean Mintoff, biex mill-istess corner, Anderson De Barros falla l-mira.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Zejtun ħarġu iktar aggressivi u fil-55 minuta, minn azzjoni konfuża fil-kaxxa ta’ Balzan, Sean Mintoff salva tajjeb.
Imbagħad l-azzjoni lejn il-lasti rispettivi kienu iżolati fejn iż-żewġ goalkeepers rari kienu mpenjati.
Fit-80 minuta, huma spiċċaw jilagħbu bi player inqas meta tkeċċa Marcelo Pereira Muniz wara li rċieva żewġ karti sofor fil-partita. U proprju 10 minuti wara kien imiss lil Balzan li jitkeċċielhom lil Moussa Kamara, wara t-tieni ammonizzjoni.
ZEJTUN C.: 1-Christian Cassar, 4-Diego Albanese, 5-Lucas Gama Moreira, 8-Dylan Agius, 9-Kemar David Reid (7-Adrian Carabott 77), 15-Marcelo Pereira Muniz, 18-Christian Grech, 21-Jose Junior Fernando Gomes (19-Gianluca Bugeja 89), 23-Ricardo Silva Faria, 27-Neil Tabone, 86-Anderson De Barros – Coach: Orosco Anonam
BALZAN: 1-Sean Mintoff, 3-Augustine Loof, 5-Samir Arab, 8-Paul Fenech, 9-Eric Lemond Mc Woods (88-Sean Cipriott 91), 10-Steve Pisani, 15-Michael Johnson, 18-Uros Ljubomirac, 20-Suleiman Jalu, 50-Weverton Souza Gomes (17-Alfred Effiong 86), 99-Moussa Kamara – Coach: Mark Miller
REFEREE: Fyodor Zammit
ASS. REFEREES: Mitchell Scerri, Ivan Galea
RABA’ UFF: Glen Tonna
AMMONITI: M. Pereira Muniz, A. De Barros (ZC), M. Johnson, M. Kamara (B)
TKEĊĊEW: M. Pereira Muniz 80 (ZC), K. Moussa 90 (B)