€1.2 miljun biex jitranġaw it-toroq f’Ta’ Sannat u jittejjeb l-immaniġġjar tat-traffiku

Waqt li kien qed iżur ix-xogħlijiet li qed isiru fit-toroq li jagħtu għad-daħla ta’ Sannat, il-Ministru  għal Għawdex Clint Camilleri qal li wara li tlesta x-xogħol fuq Triq Sannat, issa qed tiġi upgraded il junction li tgħaqqad ir-raħal ta’ Sannat ma’ diversi rħula oħra.  

Qal li, “Wara li tlestiet din it-triq prinċipali fis-Sannat komplejna nirranġaw it-toroq ta’ madwarha  b’mod partikolari l-junction ewlenija sabiex issa se jkollna arterja oħra prinċipali tal-ogħla livell”. 

Il-ministru spjega li dan il-proġett ta’ tranġar u ta’ rikostruzzjoni tat-toroq b’valur ta’ €1.2 miljun se  jwassal għal infrastruttura adekwata u għal titjib fl-immaniġġjar tat-traffiku f’din l-arterja li ta’ kuljum  jgħaddu minnha għadd ta’ karozzi. Huwa qal li kellu jkun dan il-gvern biex iwettaq dan il-proġett  infrastrutturali f’Ta’ Sannat u li permezz tiegħu se jkun aktar faċli u sigur għas-sewwieqa li jużaw  dawn it-toroq. 

Is-Sindku ta’ Sannat Philip Vella qal li dan il-proġett is-Sannatin kienu ilhom jistennewh 30 sena u  rringrazzja lill-ministru tal-ħidma u tal-għajnuna finanzjarja sabiex is-Sannat qed jingħata l infrastruttura li tixraqlu. 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm billi fakkar li dawn it-toroq f’Ta’ Sannat jingħaqdu  ma’ għadd ta’ toroq li dan il-gvern bena u rranġa f’diversi rħula madwar il-gżira u li kollettivament  ilaħħqu l-miljuni ta’ ewro.

Share With: