€13,104 għal raġel li weġġa’ fuq ix-xogħol

Il-kumpanija Polidano Brothers Limited instabet ħatja li kkaġunat inċident fejn wieħed mill-eks ħaddiema tagħha ġarrab diżabilità permanenti, u kienet ordnata tħallas is-somma ta’ €13,104 f’danni.

Il-Qorti semgħet kif nhar il-5 ta’ Lulju tal-2011, Frankie Caruana, li kien ilu jaħdem bħala xufier mal-kumpanija għal diversi snin, korra wara li waqa’ minn fuq is-saqaf tal-kabina ta’ vettura li huwa kien tqabbad iħaddem, waqt li kien qiegħed jgħabbi materjal għar-radam f’barriera. Caruana saħaq li huwa kien ordnat jitla’ fuq il-kabina minn uffiċjal tal-istess kumpanija biex jaqla’ katina minn ġol-kaxxa tat-trakk. 

Min-naħa tagħha, il-kumpanija sostniet li hija ma kinitx taħti ta’ dan, għaliex kien l-attur innifsu li ġab b’idejh il-ħsara. “Minkejja li kien imwissi biex ma jagħmilx hekk, huwa mexa fuq iċ-ċinta ta’ wara tat-trakk.”

Il-Qorti rat kif ix-xogħol li dakinhar Caruana kien tqabbad jagħmel “ma kienx ix-xogħol li l-attur is-soltu jagħmel”. Minkejja li kien iebes safety shoes, huwa ma kienx mgħammar b’safety harness fil-ħin tal-inċident, “għaliex bħala xufier, il-harness ma kinitx meqjusa bħala waħda bżonnjuża.” 

Wara l-inċident, Caruana mar l-isptar, fejn irriżulta li ġabbar ksur fl-għerieqeb tiegħu, u fl-għekiesi, u kellu jiġu operat erba’ darbiet. Minkejja li rritorna għax-xogħol sena wara u baqa’ jitħallas mill-kumpanija, huwa saħaq li ċertu xogħol ma baqax jagħmlu, u t-tobba “qalulu li m’hemm xejn iżjed x’jista’ jsirlu biex saħħtu titjieb.”

Il-Qorti innutat kif la l-kumpanija, u lanqas l-attur, ma daħħlu rapport dwar dan l-inċident mal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA). Il-Qorti saħqet ukoll li l-liġi titfa’ obbligu fuq il-kumpanija “biex l-impjegati jiġu mgħammra kif meħtieġ qabel ma jagħti x-xogħol li kellu jsir. Il-ħtieġa ta’ superviżjoni ma tistax tiġi traskurata.”

Kien hawnhekk li l-Qorti waslet għall-fehma li l-kumpanija kienet taħti “weħidha” għall-ħsara li ġarrab l-attur, u li l-ħaddiem ma kellu ebda parti mit-tort tal-inċident. 

L-Imħallef Joseph R. Micallef kien qiegħed jippresedi l-każ. L-Avukati Aaron Mifsud Bonnici u Abigail Critien dehru għall-akkużat.

Share With: